“Gvern Laburista ppreżenta l-aqwa Budget fl-istorja ta’ pajjiżna” – Il-PM – One News

Notifiki

“Gvern Laburista ppreżenta l-aqwa Budget fl-istorja ta’ pajjiżna” – Il-PM

“Din l-amministrazzjoni rnexxielha tagħmel dak li amministrazzjonijiet oħra qatt ma għamlu.”

Dan kien kliem il-Prim Ministru Robert Abela f’konferenza tal-aħbarijiet eżatt wara li tħabbar il-Budget għas-sena d-dieħla.

Budget b’nefqa li se tħalli fil-but tan-nies tliet darbiet aktar minn budgets oħra li saru fil-passat.

Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr: “Affaċċjati minn kriżi ekonomika bla preċedent minflok għamilna bħalma kienu għamlu amministrazzjonijiet qabilna li qgħadu lura u ħadu miżuri ta’ awsterità, aħna ppreżentajna l-aqwa Budget fl-istorja ta’ pajjiżna.”

Il-Prim Ministru, fl-isfond tal-Berġa ta’ Kastilja mdawla, elenka ħemel ta’ miżuri minn Gvern Laburista li amministrazzjonijiet Nazzjonalisti qatt ma’ provdew.

Elenka fost oħrajn iż-żieda fil-pensjonijiet u ċ-children’s allowance.

Robert Abela sostna li fl-isfond ta’ pandemija li ħarbtet id-dinja, il-finanzi tal-Gvern huma mfaħħra minn esperti internazzjonali u b’saħħithom u b’hekk kien possibbli li jitħabbar Budget ta’ dan il-kobor.

Dr. Abela sostna: “U jekk tant ħsibna fil-poplu fis-7 snin ta’ ġid li għaddejna minnhom kien hemm xi dubju li sejrin nagħmlu qanqas fi żmien ta’ sfida għall-familji tagħna.  Fil-budgets li għaddew tajna u tajna imma qadna attenti u dan il-galbu jfisser li fis-sitwazzjoni preżenti stajna nagħtu aktar milli qatt tajna qabel.”

Spjega kif permezz ta’ miżuri bħall-estensjoni tal-Covid-Wage supplement se jibqgħu jiġu salvati eluf ta’ impjiegi fosthom dawk fuq il-paga minima.

Il-Prim Ministru qal ukoll li permezz tal-miżuri ta’ dan il-Budget kull familja li taħdem se tingħata żieda ta’ €880 aktar f’sena u b’hekk xahar dħul ieħor paga.

Fuq kollox sostna li dan kien Budget ieħor mingħajr l-ebda taxxa: “Gvern Nazzjonalista affaċċjat minn kriżi internazzjonali ferm iżgħar kien ftaħar li ser jagħti l-pensjonanti ż-żieda fl-għoli tal-ħajja. Aħna quddiem din il-pandemija se nagħtu lill-pensjonanti żieda 3 darbiet dik tal-għoli tal-ħajja. Budget bla ebda taxxa. Lanqas ċenteżmu wieħed f’taxxi. Magħna taf fejn qiegħed.”

Dwar l-akbar investiment industrijali ta’ €450 miljun li tħabbar f’dan il-Budget, il-Prim Ministru qal li dan huwa pjan għall-bażi ekonomika ta’ pajjiżna għall-futur.

Il-Prim Ministru semma wkoll il-mira ambizzjuża ta’ dan il-Gvern sabiex Malta tkun Carbon Neutral sas-sena 2050 u b’hekk il-miżuri ambjentali fosthom it-twaqqif ta’ importazzjoni ta’ plastic mhux riċiklabbli.

Min-naħa tiegħu d-deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne rrimarka l-versatilità ta’ dan il-Gvern hekk kif minkejja ż-żmien ta’ pandemija xorta kien hemm ħidma sabiex jiġu krejati l-impjiegi u jitqassmu l-flus fil-bwiet tan-nies.

Indirizza l-konferenza wkoll il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna hekk kif spjega li €50 miljun f’dan il-Budget huma indirizzati b’mod soċjali sabiex jonqsu n-nies fil-faxxa tal-faqar jew f’riskju tagħha.

Dwar it-tieni rawnd to vouchers il-Ministru Scicluna qal li l-iskop wara din il-miżura huwa li jinċentiva l-konsum ħalli r-rota ekonomika ta’ pajjiżna tibqa’ ddur b’saħħa.

Temm jispjega kif il-futur għal dan il-Gvern huwa ċar hekk kif hemm miri kbar lejn ekonomija diġitali u ekonomija ħadra.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend