Bormliż ta’ 55 sena weħel sena ħabs wara li ammetta li ffastidja, hedded u kkaġuna biża’ lis-sieħba tiegħu f’argument li matulu, il-mara riedet ittemm ir-relazzjoni u hu m’aċċettax.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Eman Haymen spjegat li l-Ġimgħa filgħaxija daħal rapport mill-vittma li qalet li l-eks sieħeb tagħha refa’ idejh fuqha fil-Marsa, wara li kellhom argument dwar il-flus u l-ħames uliedhom.
Huwa ġie akkużat ukoll li kkommetta reat waqt sentenza sospiża filwaqt li fit-tnejn t’Ottubru, ikkaġuna ġrieħi lill-vittma.
Id-difiża semmiet kif l-imputat għandu problema biex jikkontrolla r-rabja u għaldaqstant talbet għall-għajnuna. Din it-talba ġiet aċċettata mill-Qorti.
Ir-raġel ġie kkundannat sena priġunerija u mmultat mitejn ewro. Il-Qorti ordnat ukoll li tidħol fis-seħħ sentenza ta’ xahar ħabs li ngħatat fis-sebgħa ta’ Novembru li għadda dwar każ seperat.