Il-PM jisħaq fuq l-importanza li ħadd ma jipprova jieħu gwadann politiku mis-sitwazzjoni preżenti – One News

Notifiki

Il-PM jisħaq fuq l-importanza li ħadd ma jipprova jieħu gwadann politiku mis-sitwazzjoni preżenti

Pajjiżna kellu suċċess fil-kontroll tal-pandemija Covid-19, hekk kif ikkontrolla n-numru ta’ mwiet u anke ta’ qgħad.

Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela fl-attività politika tal-Ħadd filgħodu fl-Imdina, fejn tenna kif it-tbassir negattiv fil-bidu tal-pandemija għal Malta ma mmaterjalizzax.

Il-Prim Ministru stqarr, “Nemmen illi pajjiżna se jkollu ċertifikat tajjeb ħafna ta’ kif mexxejna ta’ kif minkejja t-tbassir u nfakkar it-tbassir li kellna fi Frar u Marzu tbassir li jwaħxek ta’ mwiet li kellna mhux mijiet imma eluf, iċ-ċifri tal-Gvern urew jgħidulna li se jkollna eluf ta’ mwiet, irreżistejnih dak it-tbassir ħdimna biex ma jimaterjaliżżax, l-istess dwar il-qgħad.”

Il-Prim Ministru rrimarka kif dan huwa mument delikat mhux biss f’pajjiżna iżda madwar id-dinja kollha u b’hekk huwa kruċjali li ħadd ma jipprova jieħu gwadann politiku jew jippolitiċizza s-sitwazzjoni.

Hawnekk appella biex inkunu responsabbli u nieħdu ħsieb xulxin partikolarment lill-vulnerabbli.

F’intervent dwar l-edukazzjoni tat-tfal f’dawn iż-żminijiet, is-Sindku ta’ Bormla Alison Zerafa Civelli li hija wkoll għalliema qalet li post it-tfal huwa l-iskola.

Is-Sindku Bormliża qalet, “Post it-tfal iva huwa l-iskola għax mhux importanti biss li t-tfal tagħna jitgħlllmu l-lezzjonijiet u seuġġetti akademiċi, iżda t-tfal tagħna għandhom jibru b’mod san permezz li jiltaqgħu ma’ sħabhom u għalliema.”

Il-Mexxej Laburista tkellem ukoll dwar sitwazzjoni ta’ double-standards minn esponenti tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew fl-aħħar jiem u dwar l-ħsara li għamlu lil pajjiżna.

Dr Abela sostna, “Jien ngħid li hija ipokrezija illi jkollok esponenti ewlenin fil-PN li tant kienu voċiferi fl-attakki fuq pajjiżna fuq saltna tad-drit u għamlulna ħsara internazzjonaliment. Kburi li din il-ħsara fl-aħħar xhur reġġajniha lura.”

Il-Prim Ministru semma kumment li sar mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea waqt diskussjoni dwar is-saltna tad-dritt waqt is-summit tal-Kunsill Ewropew din il-ġimgħa fi Brussell, fejn qal lill-mexxejja Ewropej biex iħarsu lejn x’għamlet Malta.

Madankollu dwar il-każ tal-Bulgarija, il-Prim Ministru nnota n-nuqqas ta’ pożizzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech. Qal kif dan juri d-differenza bejn il-karatteristiċi ta’ mexxej minn ieħor.

Il-Prim Ministru kien mistoqsi wkoll dwar il-proġett ta’ Pulizija fil-Komunità li fl-aħħar jiem ġie estiż fi tnax-il lokalità madwar Malta. Dwar dan sostna l-importanza tal-preżenza ta’ uffiċjali tal-Pulizija fil-lokalitajiet.

Il-Prim Ministru semma wkoll l-importanza tal-ħaddiema barranin għall-ekonomija ta’ pajjiżna.

Fuq Għawdex qal li dan huwa Gvern li emmen ħafna fil-gżira tat-tliet għoljiet, u se jkompli jaħdem biex jagħti opportunitajiet liż-żgħażagħ u negozji Għawdxin biex jimirħu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend