Fenech Adami jibża’ li Delia jirbaħlu fuq id-distrett ta’ Birkirkara – One News

Notifiki

Fenech Adami jibża’ li Delia jirbaħlu fuq id-distrett ta’ Birkirkara

It-taqbida tal-establishment biex jieħu l-kontroll lura tal-Partit Nazzjonalista ma ntemmitx bl-elezzjoni ta’ Bernard Grech, hekk kif is-sitwazzjoni issa ħraxet.

Il-gazzetta Kullħadd irrapurtat kif sorsi mid-dar ċentrali qalu li bdew bdew il-manuvri mill-istess fazzjoni biex tagħżel hi u timponi fuq it-tmexxija, min għandhom ikunu l-kandidati għall-elezzjoni ġenerali li jmiss u fuq liema distretti għandhom jikkontestaw.

Il-gazzetta wriet kif fl-ewwel jiem ta’ ħidma tiegħu bħala Kap, Grech jinsab taħt pressjoni qawwija biex iqaċċat lil kull min kien qrib il-predeċessur tiegħu Adrian Delia.

Ġie żvelat ukoll li l-qofol tal-pjan kontra Delia hu li ma jitħalliex jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss fuq Birkirkara. Jirriżulta li, fil-jiem li għaddew, Grech induna bil-manuvri li għaddejjin min-naħa tad-Deputat Beppe Fenech Adami, li akkost ta’ kollox ma jridx lil Delia jikkontesta fuq dan id-distrett.

Fenech Adami qed jibża’ li Delia kapaċi jikseb ferm aktar voti minnu fuq id-distrett, u jekk kemm-il darba dan iseħħ, ifisser daqqa umiljanti għad-dinastija ta’ Fenech Adami fil-Partit.

Kriżi oħra li qed jaffaċċja Grech hi l-“gwerra” li qed tiżviluppa fl-Għaxar Distrett, fejn qed isiru manuvri biex jitkeċċa bil-pulit Robert Arrigo, li dejjem żamm man-naħa ta’ Delia.

L-informazzjoni f’idejn il-KullĦadd tindika li dawn il-manuvri huma influwenzati minn Jason Azzopardi.

Ma’ dan, Bernard Grech irid joħloq pont ġdid ma’ Therese Comodini Cachia, li nqatgħet kompletament mill-grupp li f’Ġunju li għadda webbilha tieħu post Adrian Delia.

Comodini Cachia ħassitha traduta minn sħabha stess, li biddlu l-pjan fl-aħħar ħin fuq parir ta’ Simon Busuttil u minflokha nnominaw lil Bernard Grech.

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. Fenech Adami m’ghandux cans jitla’ minn Birkirkara anke jekk Delia ma jikkontestax dan id-distrett. Ahna l-Karkarizi xbajna b’dan l-avukat li baqa’ jitla’ biss bis-sahha ta’ isem missieru ghax hu ma jiswiex karlin. X’nambuhom id-dinastiji? Ghallinqas b’Delia taf li ghandek politikant genwin.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend