Madwar 2,500 familja jibbenefikaw minn rati ogħla ta’ In-Work Benefit fl-2020 sa issa – One News

Notifiki

Madwar 2,500 familja jibbenefikaw minn rati ogħla ta’ In-Work Benefit fl-2020 sa issa

Din is-sena mal-2,500 familja qed jibbenefikaw minn rati ogħla tal-in-work benefit, li ngħataw bħala parti mill-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika tal-Gvern fid-dawl tal-pandemija.

L-ogħla rata applikabbli żdiedet minn €550 għal kull wild għal €630. B’hekk ir-rati żdiedu bi €80 fis-sena.

Fil-fatt ir-rekwiżit sabiex koppja li t-tnejn li huma jaħdmu jibbenefikaw mill-in-work benefit żdied, biex fejn qabel koppja riedet tkun taqla’ inqas minn €24,812 biex tibbenefika, ssa trid tkun taqla’ inqas minn €26,000 fis-sena.

Għal min għandu dħul sa €18,111, ir-rati żdiedu b’€100.  Għal min għandu dħul minn €18,112 sa €22,811, ir-rati raw żieda ta €50.  Dan filwaqt li min għandu dħul minn €22,812 sa €26,000, l-in-work benefit ra żieda ta’ €30.

Għal koppja fejn persuna waħda tkun taħdem ir-rekwiżit ta’ dħul massimu żdied minn €17,813 għal €22,000 fis-sena. Ir-rati hawnhekk żdiedu bi €80 fis-sena.

Għal persuna waħedha ir-rekwiżit ta’ dħul massimu żdied minn minn €17,312 għal €18,200 fis-sena. Ir-rati żdiedu  b’€50 fis-sena.

Is-Segretarju Permanenti għall-Ministeru għall-Familja Mark Musù spjega kif din iż-żieda qed igawdu minnha koppji li t-tnejn jaħdmu u għandhom wild, single parents u koppji fejn wieħed biss mill-ġenituri jaħdem.

Huwa spjega: “ L-‘in-work benefit’ jikkwalifika għalih kull ġenitur li għandu tfal dipendenti taħt it-tlieta u għoxrin sena u li jaħdem. Jiġifieri anke jekk qatt ma kien fuq il-benefiċċji soċjali xorta jikkwalifika għall-‘in-work benefit’. Naturalment hemm tlett kategoriji, koppji li jaħdmu t-tnejn, koppji li hemm wieħed mill-ġenituri jaħdem, inkella ‘single parents’ li jaħdmu.”

Il-Ministru għall-Familja Michael Falzon stqarr li dan kollu juri kemm il-Gvern kien mal-familji Maltin u Għawdxin tul dan iz-zmien. Qal ukoll li l-budget għas-sena d-dieħla li se jitħabbar nhar it-Tnejn ukoll se ikompli joffri l-għajnuna li dawn għandhom bzonn.

Il-Ministru Falzon sostna: “Wieħed isib li anke fil-‘mini-budget’ illi għamilna, twessgħu dawn in-numru ta’ persuni li huma eliġibbli għaliex għola s-‘ceiling’ u fl-istess ħin għola wkoll il-pagament, allura hemmhekk tajna ‘boost’ doppju. L-intenzjoni tagħna hija li mhux inneħħu l-benefiċċji, anke fil-budget illi ġej, huwa li nżiduhom u nsaħħuhom.”

S’issa diġa tħallsu il-fuq minn żewġ miljun u ħames mitt elf ewro f’benefiċċji tal-‘in-work benefit’ għal din is-sena.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend