€1.2 miljun sabiex jittranġaw it-toroq f’Ta’ Sannat – One News

Notifiki

€1.2 miljun sabiex jittranġaw it-toroq f’Ta’ Sannat

B’investiment ta’ miljun u mitejn elf ewro se titjieb il-junction li mis-Sannat twassal lis-sewwieqa għal bosta rħula oħra f’Għawdex. Il-proġett qed isegwi x-xogħlijiet li diġà kienu saru fi Triq Sannat.

Dan ħabbru l-Ministru għall-Għawdex Clint Camilleri waqt li kien qed iżur ix-xogħlijiet li qegħdin isiru f’din iż-żona.

Huwa qal: “B’investiment ta’ ’l fuq minn miljun ewro qegħdin issa mhux biss nagħmlu Sannat Road, jiġifieri mill-Knisja ta’ Sannat sal-qasam li hija triq prinċipali li twassal għar-raħal ta’ Sannat kif ukoll għal numru ta’ rħula oħrajn. Però qegħdin ukoll nagħmlu l-upgrade tal-junction li propju tgħaqqad lil Sannat mar-Rabat, mal-Munxar, kif ukoll max-Xewkija.”

Dan il-proġett se jara l-bini mill-ġdid u l-manuntensjoni tal-junction bil-għan li jkun hemm infrastruttura adekwata li twassal għal titjib fl-immaniġġjar tat-traffiku f’din iz-zona biezla.

Is-Sindku ta’ Sannat Philip Vella qal li r-residenti kienu ilhom jistennew dan il-proġett għal tletin sena. Qal li issa dawk li jkunu ġejjin mix-Xewkija lejn id-direzzjoni tal-Munxar se jkunu jistgħu jaqsmu t-triq b’mod aktar sigur.

Huwa stqarr: “Din il-junction kienet importanti li ssir, kienu jsiru diversi inċidenti biex b’hekk issa ħa nagħlqu dan il-kapitlu u nibdew kapitlu ġdid biex minn ikun ġej speċjalment mix-Xewkija lejn il-Munxar se jkun jista’ jaqsam b’mod aktar sigur.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend