Kompliet il-kumpilazzjoni tal-provi kontra Darren Bonello ta’ 30 sena minn San Pawl il-Baħar li jinsab akkużat bl-attentat ta’ qtil tal-immigrant Abdulrahman Abdullah Hamza, li fuqu spara żewġ tiri waqt l-irvellijiet fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni f’Ħal Safi.
Quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo illum instemgħet ix-xhieda tal-pulizija Daniel Debattista li spjega x’ra quddiemu dakhinar li seħħ l-allegat każ.
Huwa xehed li ma kienx ra lil Bonello jispara xi tiri iżda ftakar li huwa kien avviċinah u offrielu skartoċċ bi sparatura taċ-ċomb malli induna li l-munizzjon kienet spiċċatlu. Huwa rrifjuta l-iskartoċċ tal-isparatura taċ-ċomb, u qallu li huma jużaw biss balal tal-lastku f’każijiet bħal dawn. Huwa qal, madankollu, li kieku s-sitwazzjoni eskalat, huma kienu jkunu kostretti jużaw il-munizzjon li fadlilhom.
Fi tmiem is-seduta, il-Qorti sabet li kien hemm biżżejjed provi biex Bonello jitqiegħed taħt att ta’ akkuża. L-Ispettur tal-Pulizija Jannetta Grixti mexxiet il-Prosekuzzjoni filwaqt li l-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia kienu l-avukati difensuri.