Fil-Jum Dinji tal-Istandards, l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, l-MCCA tellgħet konferenza diġitali bit-tema ‘Nipproteġu d-dinja bl-istandards’.
Din il-konferenza ffukat fuq kif l-istandards jgħinu s-sostenibbiltà billi jtaffu l-impatt ambjentali tal-produzzjoni u l-proċessi, filwaqt li jiffaċilitaw l-użu mill-ġdid ta’ riżorsi limiti u tittejjeb l-effiċjenza tal-enerġija.
Preżenti għal din il-konferenza kien il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli enfasizzat ldwar l-importanza ta’ kif l-istandards jippromwovu l-użu tal-aqwa prattiċi li huma maqbula abbażi ta’ konsensus bejn l-industriji, l-assoċjazzjonijiet, il-konsumatur u oħrajn. Qalet kif fis-settur tat-turiżmu kien hemm numru ta’ lukandi li mxew ma’ standards għolja, b’din hija mira tal-gvern sabiex ikun ikun hawn turiżmu sostennibli.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista rrimarka dwar kif l-istandards għandhom impatt tanġibbli u jippromwovu l-informazzjoni neċessarja biex isiru għażliet tajbin.
Iċ-Chairperson tal-MCCA, l-Inġ. Helga Pizzuto qalet kif id-diretorrat żviluppa numru ta’ standards li huma ta’ importanza nazzjonali f’suġġetti varji, fejn qalet li meta tkun imfassla tittieħed f’konsiderazzjoni s-sostenibbiltà.