Il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech, permezz tal-kelliem tiegħu Edwin Vassallo huwa kontra l-għoti tal-vouchers li ngħataw lill-poplu Malti u Għawdxi hekk kif kien imħabbar fil-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika.
Dan intqal mill-Partit Laburista fi stqarrija, fejn intqal kif dawn il-vouchers li ġġeneraw mat-€52 miljun għan-negozji Maltin u Għawdxin.
Il-Partit Laburista qal kif dawn il-vouchers kienu importanti sabiex jiġi ġġenerat dħul fi żmien fejn għaddejjin minn kriżi globali kawża tal-imxija COVID-19 u permezz ta’ hekk setgħu anke jiġu ssalvagwardjati l-impjiegi tal-ħaddiema tagħhom. Sal-aħħar ta’ Ottubru d-data ta’ skadenza għall-użu tal-vouchers, l-inizjattiva se tkun qed tinjetta €65 miljun fl-ekonomija.
F’din l-istqarrija ntqal kif minkejja li kienu bosta n-negozjanti u sidien tal-ħwienet li tkellmu b’mod apert kemm dawn il-vawċers ħallew effett fuq il-bejgħ tagħhom, xorta waħda d-Deputat ta’ Grech, Edwin Vassallo, sejjaħ din il-miżura bħala ‘tal-mistħija’.
Huwa ċar li bħal mexxeja li ġew qablu, Grech m’għandu l-ebda kredenżjali fis-settur ekonomiku.
Il-Partit Laburista qal kif il-poplu Malti u Għawdxi u n-negozji qed jaqblu li dan huwa Gvern li qed jieħu ħsieb li nerġgħu nitilqu niġru u l-budget li jmiss se jkun prova ta’ dan.