Fl-2020 twettqu 65% tal-miżuri tal-budget u ngħataw €2.7 biljun f’għajnuniet minħabba l-imxija – One News

Notifiki

Fl-2020 twettqu 65% tal-miżuri tal-budget u ngħataw €2.7 biljun f’għajnuniet minħabba l-imxija

Din is-sena twettqu ħamsa u sittin fil-mija tal-miżuri fil-budget għas-sena elfejn u għoxrin, li kien fih numru rekord ta’ 370 miżura.

Ir-rata ta’ din is-sena hija ftit inqas mill-medja tas-soltu minħabba li numru ta’ miżuri kellhom jiġu posposti biex ġew imnedija skemi ta’ għajnuna oħrajn minħabba l-pandemija.

Dan intqal f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha, l-id amministrattiva tal-Gvern ippubblikat id-dokument “It-Twettiq tal-Baġit” biex tagħti rendikont tal-miżuri li ġew implimentati din is-sena.

Il-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar spjega kif qabel il-pandemija, it-tbassir għat-tkabbir ekonomiku ta’ Malta kien ta’ erbgħa fil-mija, tnejn punt sitta fil-mija ogħla mill-medja Ewropea.

Bil-miżuri finanzjarji tal-Gvern qed ikun imbassar li Malta jkollha tkabbir ta’ sebgħa fil-mija s-sena li ġejja.

B’kollox, il-Gvern ħabbar erba’ pakketti finanzjarji tul l-imxija, li swewh żewġ biljuni u seba’ mitt miljun ewro.

Is-Sur Cutajar qal li dawn kollha se jħejju lill-pajjiż biex ikompli fejn ħalla qabel faqqgħet il-pandemija.

“It-telgħa ma tkunx daqshekk iebsa jekk isir pjan bil-għaqal bħalma saru, fejn il-qgħad ma kienx astronamiku, fejn l-impjiegi baqgħu hemm, allura issa meta jgħaddi kollox, m’hemmx għalfejn terġa’ tibda tħarreġ lin-nies għax in-nies baqgħu f’posthom u x-xogħol ikun jista’ jaqbad ritmu ferm iktar faċli.”

Sar ukoll elenku tal-miżuri pendenti minn budgets preċedenti li ġew implimentati din is-sena, fejn intwera biċ-ċar li miżuri li jiġu klassifikati li qegħdin fil-proċess ta’ implimentazzjoni, ma jitwarrbux wara budget ġdid, imma jibqgħu jiġu segwiti sakemm jitwettqu.

“Għalhekk hija importanti l-pubblikazzjoni mhux biss bħala trasparenza, mhux biss bħala kontabbiltà tas-Servizz Pubbliku, il-finanzi tal-Gvern trasparenti, imma iktar minn hekk hija esperjenza għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni li jħarsu lejha u jgħidu kif ġraw l-affarijiet li huma tagħlimiet għal kull min jiġi warajna.”

Il-Ministru għall-Finanzi, il-Professur Edward Scicluna, qal li r-rata ta’ twettiq ta’ ħamsa u sittin fil-mija f’sena straordinarja biċ-ċirkostanzi kollha li ġabet magħha l-pandemija hija impressjonanti, għaliex dan il-Gvern ra li xorta jaħdem minkejja l-limitazzjonijiet kollha li kien hawn mhux biss f’pajjiżna imma fid-dinja kollha.

Huwa qed iħares ’il quddiem b’pożittività biex tlett ijiem oħra, jippreżenta l-budget għas-sena d-dieħla.

“In-nies jafu x’jistennew minn dal-Gvern, ma jafux id-dettalji però moħħhom mistrieħ li Gvern li jżomm il-wegħdiet tiegħu, dejjem għamel budget b’ċertu prudenza u rnexxa, u se jirrapporta b’mod trasparenti ħafna kull miżura li saret minn dak il-budget allura wieħed iħares lejn nhar it-Tnejn b’mod pożittiv u jistenna xi ħaġa tajba wkoll.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend