F’ħames snin in-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar naqas b’6.3% – One News

Notifiki

F’ħames snin in-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar naqas b’6.3%

Ir-rata ta’ persuni f’riskju ta’ faqar naqset b’6.3% meta mqabbel mal-2013.

Dan ħareġ waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja fil-jum dinji għall-ġlieda kontra l-faqar.

Matul il-konferenza s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Mark Musù, elenka bosta ċifri li jixhdu l-impenn ta’ Gvern Laburista fil-qasam soċjali.

Fost oħrajn spjega kif ir-rata ta’ persuni f’riskju ta’ faqar fuq medda ta’ 10 snin naqset bi kważi bin-nofs.

Spjega wkoll kif ir-rata ta’ nies fir-riskju tal-faqar jew esklużjoni soċjali naqset minn 24.6% fl-2013 għal 20.1% fl-2018.

Fil-fatt fl-istess konferenza ntqal kif dan ifisser li meta kkumparat mal-2013, fl-2019 kien hemm 73,837 persuna aktar li kinux f’riskju li jaqgħu f’din il-faxxa tas-soċjetà.

Fl-2013, meta amministrazzjonijiet Nazzjonalisti kienu jgħidu li l-faqar huwa biss perċezzjoni, ir-rata ta’ persuni li kienu mċaħħda materjalment u severament kienet ta’ 10.2% jew 42,210 persuni.

Fl-2019 din ir-rata naqset għal 3.7% jew 18,004 persuni.

Musù spjega, “F’dik li hija ċaħda materjali severa li fl-opinjoni tiegħu huwa wieħed mill-aktar indikaturi importanti għaliex hemmek qed titkellem fuq persuni li ma jkunux jaffordjaw l-aktar affarijiet bażiċi u essenzjali hemmek fl-2019 kellna terz ta’ dawk li kien hemm fl-2013.”

Bejn l-2013 u l-2019 dawk li kienu mċaħħda materjalment naqsu minn 82,253 persuna għal 40,952 persuna.

Dan ifisser tnaqqis ta’ 11.5%.

Intqal ukoll kif skont rapport tan-Nazzjonijiet Uniti li evalwa l-progress ta’ pajjiżna fil-miri soċjali tiegħu, Malta kisbet punteġġi għoljin.

Fil-fatt fil-mira ewlenija, dik li jiġi eradikat il-faqar f’kull forma tiegħu sal-2030, pajjiżna kiseb punteġġ kważi perfett ta’ 99.9 minn 100.

F’mira oħra dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanza soċjali, pajjiżna kiseb ukoll punteġġ għoli ħafna ta’ 94.6 minn 100.

Il-Ministru Michael Falzon faħħar il-ħidma ta’ dan il-Gvern b’ruħ soċjali hekk kif fakkar li dawn ir-riżultati waslu grazzi għal bosta miżuri tal-Gvern.

Fosthom iż-żieda fil-pensjonijiet.

Il-Ministru Falzon saħaq, “Dawk il-faxex li l-aktar trid tinvesti fihom li huma partikolarment il-faxxex tat-tfal u l-faxxex tal-pensjonati. Infakkar biss li dan il-Gvern għal 6 darbiet wara xulxin ser ikun qed jagħti żieda fil-pensjoni. Pensjonanti li taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti ma żdidux imqar ċentenżmu wieħed għal 21 sena sħaħ.”

Intant il-Ministru Carmelo Abela rrimarka t-twettiq tal-wegħdiet elettorali fil-qasam soċjali.

“Aħna kuntenti li dan il-Ministeru tal-politika Soċjali, aspett importanti ħafna għal dan il-Gvern, il-qasam soċjali, wasal f’rata ta’ implimentazzjoni ta’ 85% u dan huwa importanti ħafna għax dan ifisser għajnuna diretta li qed tmur għand in-nies.” Sostna l-Ministru Abela.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *