Etjopjan ta’ 36 sena ndarab gravi wara argument li seħħ l-Imsida filwaqt li Somalu ta’ 31 sena qiegħed jinżamm arrestat b’rabta mal-argument.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-għaxra u kwart ta’ filgħaxija raġel meta l-Etjopjan, mill-Imsida, daħal jirraporta fl-Għassa tal-Pulizija tal-Imsida, li kien ġie aggredit b’arma li taqta` u bil-ponta minn raġel ieħor waqt argument li nqala f’ħanut tax-xorb fi Triq il-Makna Tas-Serrar.
Il-Pulizija tad-Distrett, tar-Rapid Intervention Unit u dawk mill-Iskwadra tar-Reati Vjolenti fi ħdan it-Taqsima tar-Reati Maġġuri marru minnufih fuq il-post fejn ġie kkonfermat ir-rapport u bdiet it-tfittxija għar-raġel involut fl-agressjoni. Huwa ġie arrestat ftit tal-ħin wara.
Il-vittma ittieħed b’ambulanza lejn l-Isptar Mater Dei u aktar tard ġie iċċertifikat li għandu ġrieħi gravi.
Bil-każ kienet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Charmaine Galea LL.D li ordnat inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin