Raġel mis-Somalja ta’ 32 sena ġie arrestat mill-Pulizija tal-Immigrazzjoni wara li allegatament kien il-moħħ wara bejgħ ta’ diversi passaporti u permessi ta’ residenzi foloz. B’dawn id-dokumenti, huwa kien allegatament qed jassisti persuni oħra jidħlu jew joħorġu minn Malta.
Is-Somalu ġie arrestat it-Tlieta filgħaxija waqt rejd fid-dar tiegħu f’Wied il-Għajn. F’dan ir-rejd, il-pulizija sabet diversi dokumenti foloz, kif ukoll dokumenti oriġinali. B’dawn tal-aħħar kienu dokumenti misruqa.
L-arrest ta’ dan ir-raġel sar wara li tul dawn l-aħħar xhur, il-Pulizija tal-Immigrazzjoni ta sikwit resqet persuni li kienu se jitilqu minn pajjiżna permezz ta’ passaport falz. B’reat bħal dan persuni jeħlu bejn sitt xhur u sentejn ħabs.
Ir-raġel mistenni jistressaq il-Qorti l-Ħamis għall-ħabta tad-9 ta’ filgħodu quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Donatella Frendo Dimech.