It-tfal tal-iskejjel tal-Gvern jidħlu kollha lura l-iskola – One News

Notifiki

It-tfal tal-iskejjel tal-Gvern jidħlu kollha lura l-iskola

Illum daħlu l-aħħar żewġ gruppi ta’ studenti li kien fadal jidħlu fl-iskejjel tal-Gvern sabiex b’hekk mil-lum se jkunu daħlu t-tfal kollha għat-tkomplija tal-aħjar edukazzjoni tagħhom.

Dan wara deċiżjoni li kienet ittieħdet li għal din is-sena skolastika l-istudenti tas-snin ta’ edukazzjoni obbligatorja jidħlu mqassmin fuq tul ta’ ġimgħa bejn is-7 ta’ Ottubru, 2020 u llum. Din id-deċiżjoni ġiet segwita wkoll minn skejjel oħrajn, senjatament dawk tal-knisja.

B’kollox huma 33,361 l-istudenti li huma reġistrati ma’ xi waħda mill-iskejjel tal-istat fis-snin tal-kindergarten u dawk tal-edukazzjoni obbligatorja. Hemm ukoll 22,374 student ieħor fl-istess snin li huma reġistrati ma’ xi waħda tal-iskejjel li mhumiex tal-istat.

Din is-sena ttieħdu għadd ta’ miżuri bla preċedent għall-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-COVID-19.  Fit-2 ta’ Settembru, 2020 ġie ppubblikat protokoll għall-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel mill-awtoritajiet tas-saħħa wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet tal-edukazzjoni.

Dan il-protokoll ġie implimentat permezz ta’ aktar minn 50 miżura li ttieħdu fl-iskejjel kollha tal-istat u sar risk assessment indipendenti minn esperti meqjusa bħala persuni kompetenti mill-OHSA għal kull skola.

Saru wkoll bidliet fis-sillabu u f’diversi metodi ta’ tagħlim sabiex wieħed jilqa’ għar-realtajiet ġodda waqt li saru ftehmiet mal-partijiet ikkonċernati ewlenin sabiex jiġi assigurat li jkun hemm edukaturi fil-klassijiet tal-istudenti, anke meta xi edukatur ma jattendix l-iskola minħabba raġunijiet ġustifikati.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend