Illum wasal Malta l-President tal-Kunsill Għoli tal-Istat tal-Libja, Khaled Al-Mishri, għal taħdidiet mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo. Il-laqgħa qed issir fl-ispirtu tar-riżoluzzjoni 2510 tan-Nazzjonijiet Uniti li pajjiżi ġirien tal-Libja jagħtu sehemhom għall-paċi, sovranità, indipendenza, integrità territorjali u għaqda tal-Libja.
Al-Mishri ilu jmexxi l-Kunsill Għoli tal-Istat tal-Libja mill-2018, liema kunsill jagħti pariri lill-Gvern ta’ Kunsens Nazzjonali rikonoxxut min-Nazzjonijiet Uniti.
Matul il-laqgħa, Il-Ministru Bartolo tenna l-appell tiegħu lill-partijiet kollha biex jirrispettaw u josservaw il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied, u biex ikomplu bil-proċess ta’ żvilupp u jwaqqfu istituzzjonijiet reżiljenti tal-Istat Libjan li jħarsu l-interessi taċ-ċittadini f’Libja magħquda u f’idejn il-Libjani.
Il-Ministru Evarist Bartolo żied jgħid li kwalunkwe inizjattivi għall-paċi għandhom jittieħdu fil-qafas u jitmexxew fl-istess direzzjoni tal-proċess tan-Nazzjonijiiet Uniti u ta’ Berlin, għaliex kwalunkwe inizjattiva oltre tista’ tfixkel aktar milli tagħmel ġid.
F’dan il-kuntest, huwa awgura li l-isforzi kollha li qed isiru minn bnadi diversi jagħtu l-frott mixtieq u jwasslu għal stabbiltà u t-tmiem ta’ tbatija li tant ġarrab il-poplu Libjan – żewġ elementi essenzjali biex l-ekonomija tirpilja u l-ġid li tant mogħni bih l-Istat Libjan jerġa’ jibda jitgawda mil-Libjani stess.