Fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena l-OHSA ħarġet 258 multa minħabba periklu fuq post tax-xogħol – One News

Notifiki

Fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena l-OHSA ħarġet 258 multa minħabba periklu fuq post tax-xogħol

Fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA għamlet erbat elef, tliet mija u tmintax-il spezzjoni fuq postijiet differenti tax-xogħol. L-ispezzjonijiet ivarjaw minn intrapriżi żgħar sa kumpaniji kbar li joperaw fil-manifattura, kostruzzjoni, fis-settur tas-servizzi fost oħrajn.

Fi stqarrija l-OHSA qalet ukoll illi ħarġet elf disa’ mija u tmienja u sittin notifika għal titjib fuq il-post tax-xogħol, dan jammonta għal kważi nofs il-postijiet li spezzjonat l-awtorità minn Jannar sa Settembru. Dawn in-notifiki nħarġu f’postijiet fejn is-sitwazzjoni tal-periklu hija sinjifikanti iżda mhux għolja.

Intant, l-uffiċjali tal-OHSA taw 400 ordni sabiex tieqaf l-attività tax-xogħol b’mod immedjat sakemm il-periklu, li kien meqjus sejru u li potenzjalment seta’ kkawża mewt jew ħsara fiżika serja fuq l-impjegati, jitneħħa. Sadanittant, l-awtorità se tkompli ssegwi l-każijiet sabiex tassigura li l-post tax-xogħol huwa skont ir-regolaritajiet tas-saħħa u s-sigurtà.

F’dawn il-każijiet jinħarġu multi jew saħansitra jibdew proċeduri legali hekk kif l-investigazzjonijiet tal-awtorità jkunu magħluqa.

L-OHSA qalet illi fl-ewwel disa’ xhur 258 entità jew persuni ġew immultati dwar il-ksur tar-regolament tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Il-multi jvarjaw minn mitejn u ħamsin ewro għall-elf ewro, jiddependi mill-gravità tal-każ. L-akbar numru ta’ ksur tar-regolament ġew minn siti ta’ kostruzzjoni.

L-istqarrija temmet tgħid li fl-aħħar disa’ xhur l-awtorità vverifikat ukoll tlett elef, tliet mija u tmenin rapport ta’ eżami tat-tagħmir filwaqt li mistennija tibda proċeduri legali kontra erba’ mija u ħamsin persuna dwar ksur tar-regolamenti tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend