BIL-FILMAT: “L-għan ewlieni tal-Gvern hu li d-dħul tan-nies jibqa’ garantit” – il-PM f’laqgħa mal-MEA – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: “L-għan ewlieni tal-Gvern hu li d-dħul tan-nies jibqa’ garantit” – il-PM f’laqgħa mal-MEA

Hekk kif issoktaw il-laqgħat ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-budget, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem.

Fil-laqgħa li saret l-Erbgħa filgħodu fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru rrikonoxxa l-importanza tad-diversi miżuri li ħa l-Gvern biex żamm il-qasam tal-impjiegi b’saħħtu tul il-pandemija.

Qal li filwaqt li ħa ħsieb is-saħħa tan-nies, il-Gvern ħa ħsieb ukoll il-ħobża ta’ kuljum tagħhom, u dan huwa l-għan li se jibqa’ jmexxih fiż-żmien li ġej.

Qal li, “Hekk se jibqa’ l-oġġettiv ewlieni ta’ dan il-Gvern li n-nies jibqa’ jkollhom l-introjtu tagħhom garantit. Min iħaddem ikollu n-negozju tiegħu garantit, l-income tiegħu garantit, il-profitti wkoll garantiti u noħolqu dan il-bilanċ bejn saħħa, ekonomija b’saħħitha u governanza tajba, dawn it-tliet pilastri li nemmen li f’dan il-mument dejjem kienu importanti imma f’dan il-mument jassumu importanza ikbar.”

Il-Prim Ministru nnota li fl-aħħar xhur sab komunità reżiljenti li ma kinitx lesta taqta’ qalbha u qed tħares biex fix-xhur li ġejjin, terġa’ taħrab tiġri kif kienet qed tagħmel sa ftit tax-xhur ilu.

Il-Prim Ministru temm jgħid li huwa konvint li b’sens ta’ dixxiplina, u jekk kulħadd josserva l-miżuri li għandhom l-għan li jikkontrollaw it-tixrid tal-imxija, fi ftit tax-xhur oħra nkunu nistgħu nimxu ’l quddiem u nkomplu fejn ħallejna.

Arthur Muscat, il-Viċi President tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, ppreżenta sett ta’ proposti msejsa fuq konsultazzjonijiet li jippreżentaw is-sentiment komuni fost disa’ mitt kumpanija li bejniethom jimpjegaw sittin elf persuna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend