‘Kruċjali l-bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija’ – Il-PM – One News

Notifiki

‘Kruċjali l-bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija’ – Il-PM

“Il-bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija huma kruċjali sabiex ngħaddu mill-pandemija.” Hekk stqarr il-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa li kellu mal-assoċjazzjoni għall-industrija tal-ispettaklu u l-arti f’kastilja.  

Il-Prim Ministru spjega li f’dawn l-aħħar ġranet iltaqgħu ma’ persuni minn setturi differenti u kollha saħqu dwar l-importanza li jkollok ekonomija robusta. Qal li jrid ikollok bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija għaliex imorru id f’id.  Magħhom hemm il-governanza tajba.

Dr. Abela stqarr: “Ma jistax ikollok saħħa tal-poplu tajba mingħajr ma għandek żvilupp ekonomiku b’saħħtu. Imorru id f’id waħda tikkumplimenta lill-oħra u waħda mhix alternattiva għall-oħra imma s-sigriet tas-suċċess ta’ kull Gvern huwa li jżomm dawn iż-żewġ affarijiet tant importanti f’sinerġija ma’ xulxin, li jikkumplimentaw kontinwament lil xulxin. Magħhom inżid it-tielet pilastru importanti: ekonomija, saħħa, governanza tajba. Dawk huma t-tliet pilastri li bħala Gvern nemmnu ħafna fihom.”

Stqarr li fejn jidħol il-preservazzjoni tal-impjiegi kellna suċċess. Filwaqt li fiż-żona ewro l-qgħad tiela’, f’pajjiżna huwa nieżel. Madankollu, innota l-periklu li jkun hemm f’settur partikolari, dak li jitlef talenti tajbin għaliex in-nies isibu xogħlijiet f’setturi oħra. Qal li l-miżuri li se jkunu mnedija f’dan il-budget ser ikunu msejsa fuq bilanċ kruċjali biex l-ebda settur ma jitlef in-nies.

Min-naħa tiegħu, Howard Keith Debono, il-President tal-Assoċjazzjoni għall-industrija tal-ispettaklu u l-arti, spjega kif l-assoċjazzjoni ħarġet b’għaxar proposti għal injezzjonijiet  fis-settur tad-divertiment. Spjega kif sa 25 sena ilu dan is-settur ma kienx jeżisti imma illum kellna settur li kien qed jikkontribwixxi għall-pajjiżna.

Huwa qal: “Għandna bżonn nagħmlu minn kollox biex nissalvagwardjaw das-settur. U bi pjaċir ngħid li għamilna passi ta’ ġganti. Il-Gvern għamel ħafna affarijiet tajbin, għandna bżonn inkomplu nibnu fuqhom u ma naqgħux lura.”

Debono qal kif illum il-pandemija ħolqot sfida li n-nies li għamlu d-deċiżjoni li jaħdmu f’dan is-settur fl-aħħar żmien ser jintilfu minħabba li qed isibu xogħol f’setturi oħrajn.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend