Notifiki

Jiżdiedu l-familji li huma sidien ta’ djarhom u tliet kwarti tas-sidien bla piż fuq id-djar

Statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika wriet li f’seba’ snin, l-għadd ta’ familji sidien ta’ djarhom kiber b’26.5%.

Skont l-NSO, is-sena l-oħra, l-għadd ta’ familji sidien ta’ djarhom kien ilaħħaq 151,260.

Dan meta fl-2013, l-għadd ta’ familji sidien ta’ djarhom kien ta’ 119,556.

Dan ifisser li fuq medda ta’ seba’ snin kien hemm żieda ta’ 31,704 familji li kienu sidien ta’ djarhom.

L-istatistika tal-NSO turi li s-sena l-oħra, tmienja minn kull għaxar t’idjar f’Malta u f’Għawdex kienu proprjetà ta’ dawk li jgħixu fihom.

Il-bqija tad-djar kienu mikrija, li fl-2019 laħqu l-ftit aktar minn 45,000.

L-istudju tal-NSO, li sar fost erbat elef familja dwar id-dħul u l-kundizzjonijiet t’għajxien tal-familji wera li tliet kwarti tas-sidien tal-proprjetà ma kellhom l-ebda piż fuq djarhom, filwaqt li l-kumplament qed iħallsu d-dar b’self wara li kienu xtrawha.

Is-sena l-oħra kien hemm ukoll 3,300 familja iżjed minn fuq is-sena ta’ qabel li xtraw dar.

Fi stqarrija, il-Ministru għall-Familja Michael Falzon qal li għal darb’oħra dawn iċ-ċifri wrew li Malta hija fost dawk il-pajjiżi li għandhom rata qawwija ta’ familji proprjetarji ta’ djarhom.

Il-Ministru Michael Falzon stqarr: “Impenn qawwi li wera din l-amministrazzjoni, tieħu pjaċir illi wara seba’ snin tara dawn ir-riżultati. Ma ninsewx ukoll li din is-sena, minkejja s-sitwazzjoni kollha, pajjiżna kellu l-ikbar numru ta’ konvenji rrekordjati. Ċertifikat aħjar minn dan, diffiċli.”

L-istħarriġ tal-NSO wera wkoll aktar minn 58% tad-djar huma appartamenti jew maisonettes.

Dan filwaqt li l-kumplament huma djar kbar, ħamest ikmamar jew aktar.

L-istatistika semmiet ukoll l-ispejjeż li jaffaċċjaw il-familji u sostniet fl-2019, ftit aktar minn 78% tal-familji stqarrew li l-ispejjeż mhuma tal-ebda xkiel filwaqt li kienu biss madwar 22% li jħossu li l-ispejjeż huma bħala piż kbir fuqhom.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend