Jiskatta l-proġett ta’ Pulizija fil-Komunità fi 12-il lokalità – One News

Notifiki

Jiskatta l-proġett ta’ Pulizija fil-Komunità fi 12-il lokalità

Il-Korp tal-Pulizija skatta l-proġett ta’ Pulizija fil-komunità fi 12-il lokalità.

Dan wara li ntemm b’suċċess proġett pilota fil-lokalità tal-Mellieħa u li ra l-effettività tal-preżenza ta’ uffiċjali tal-Pulizija.

Preżenza bl-għan aħħari hi li tkompli titkattar il-fiduċja tal-poplu fil-Korp tal-Pulizija filwaqt li jiżdied l-element ta’ sigurtà fit-toroq Maltin u Għawdxin.

Bħala parti minn dan il-proġett, issa 12-il Belt u raħal ser jaraw preżenza ta’ 28 uffiċjal tal-Pulizija maqsumin f’sitt timijiet differenti.

Żewġ timijiet separati b’4 uffiċjali tal-pulizija kull wieħed se jkopru l-lokalitajiet tal-Fgura u l-Mellieħa.

Intant se jkun hemm 4 timijiet oħra b’ħames Pulizija kull wieħed li se jkopru dawn il-lokalitajiet.

L-ewwel tim se jkopri l-lokalitajiet tal-Imdina, Ħad-Dingli, ir-Rabat u l-Imtarfa.

It-tieni tim se jkopri l-lokalitajiet ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa.

It-tielet tim se jkopri Pembroke u s-Swieqi u r-raba’ tim se jkopri l-Belt Valletta u l-Furjana.

Ir-residenti ta’ kull lokalità ser ikunu qed jirċievu fuljett bid-dettalji ta’ kull uffiċjal tal-Pulizija biex b’hekk tkun iffaċilitata l-komunikazzjoni magħhom. Dan il-fuljett se jkun qed jinkludi mezzi alternattivi ta’ kif il-pubbliku jista’ jagħmel kuntatt mal-Korp tal-Pulizija.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn fiha tnieda dan il-proġett, ONE News tkellem mas-Surġent Daniela Micallef li ser tkun qed tmexxi t-tim responsabbli mill-lokalitajiet tal-Imdina, Ħad-Dingli, ir-Rabat u l-Imtarfa.

Tkellmet dwar ir-responsabbiltajiet tal-Kuntistabbli fil-lokalitajiet. Hija qaltilna: “Dan inti jrid ikollok Kuntistabbli dedikat. Jiġifieri jri iħobb jitkellem man-nies. Irid iħobb jagħmel il-ħin barra fit-toroq fejn inti qbadt il-ħin tax-xogħol tiegħek. Ħriġt barra fit-triq, ħa tmur inti minn jeddek titkellem man-nies sabiex ovvjament tilqa’ l-ilmenti u inti bil-mod, bi stħarriġ u b’action plan ħa ttejjeb il-komunità.”

Waqt l-indirizz tiegħu f’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà sostna l-importanza ta’ dan il-proġett sabiex il-Korp tal-Pulizija jkompli jikseb riżultati mill-aktar pożittivi.

Sostna kif il-preżenza tal-Pulizija fil-lokalitajiet madwar Malta mistennija tnaqqas il-kriminalità u b’hekk itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.

Spjega wkoll kif dan il-proġett mistenni jiġi estiż għal aktar lokalitajiet sa nofs is-sena d-dieħla.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri faħħar din l-inizjattiva li tagħmel parti mill-istrateġija ta’ trasformazzjoni fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.

Huwa qal: “Ikollna Korp tal-Pulizija aktar preżenti li jifhem il-komunità li jaħdem fiha mbagħad ikun jista’ jiġi jfittxek hu u mhux tfittxu int. Fejn jiġi jħabbatlek il-bieb, iwaqqfek fuq il-bankina, iwaqqfek il-Pjazza sabiex inti tkun tista’ titkellem bl-aktar mod dirett, bl-aktar mod apert mal-Pulizija u anke tgħaddilu dawk is-suġġerimenti li hemm bżonn ta’ kif temmen speċjalment kif il-lokalità tiegħek, il-komunità tiegħek tkun iktar sigura.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend