L-ebda kandidat ma kkontesta l-elezzjoni każwali fuq it-tieni distrett biex jimtela’ s-siġġu parlamentari li ġie vakat minn Dr. Joseph Muscat.
Kien hemm żewġ persuni li setgħu tefgħu isimhom, li kienu Stefan Buontempo u Mark Causon.
It-tnejn kitbu fuq il-profil tagħhom fuq facebook li ddeċidew li ma jikkontestawx l-elezzjoni każwali.
“Għalkemm definittivament li kieku iddeċidejt li nikkontesta l-elezzjoni każwali, kont insir Membru Parlamentari għal darb’oħra, mingħajr l-ebda pressjoni ta’ ħadd, bqajt inżomm mad-deċiżjoni li kont diġà ħadt”, saħaq Buontempo li spjega kif huwa kien iddeċieda li jirtira mix-xena politika.
Mark Causon kiteb, “Minħabba raġunijiet personali, mhux ser nippreżenta n-nomina tiegħi għas-siġġu parlamentari, nirringrazzja lil Prim Ministru għall-appoġġ tiegħu u l-parir u l-wegħda tiegħi hija li xorta se nkun qed nassisti lil dawk li jeħtieġu s-servizzi tiegħi minn barra l-parlament”.
Dan ifisser li issa se tkun tista’ ssir co-option biex jimtela’ s-siġġu parlamentari tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.