L-Aġenzija Żgħażagħ nediet kampanja ta’ informazzjoni għaż-żgħażagħ li jkunu qed ibatu minn ansjetà.
Dan biex iż-żgħażagħ ikollhom aktar informazzjoni u jkunu eqreb għall-għajnuna.
Preżenti għat-tnedija tal-kampanja kien hemm il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, Dr John Cachia, li spjega kif studju li sar mill-Fondazzjoni Richmond juri li ż-żgħażagħ huma l-iktar grupp fis-soċjetà li nkwetaw minħabba r-restrizzjonijiet li ġabet magħha l-pandemija.
“Ħassewhom taħt pressa iktar qawwija minn nies oħra fil-komunità u għalhekk naqbel perfettament mal-għażla tas-suġġett tal-ansjetà biex tiġi indirizzata fost iż-żgħażagħ tagħna.”
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażaġħ Clifton Grima qal li l-edukazzjoni tgħin biex jasal aktar il-messaġġ li l-mard mentali jaffettwa lil kulħadd, u m’għandu jkun hemm xejn ta’ mistħija minn dawk anzjużi.
“Irridu naraw li jkun hawn aktar edukazzjoni fuq is-suġġett, u aktar servizzi li jgħatu għajnuna liż-żgħażagħ li jkunu għaddejjin minn mumenti diffiċli.”