Mifruxa fuq 2,500 metru kwadru, ġiet inawgurata blokka ġdida fl-iskola sekondarja St Thomas More fiż-Żejtun.
B’investiment ta’ ħames miljun ewro sar xogħol ta’ estensjoni u tiġdid f’din il-blokka, li tinkorpora fiha 13-il klassi, tmien laboratorji għat-tagħlim tax-xjenza, żewġ klassijiet għall-Home Economics, u klassijiet għall-inġinerija u d-Disinn.
Il-Prinċipal tal-iskola, Anna Spiteri Meilak, spjegat li dan l-investiment ħejja lill-iskola bl-aħjar mod għat-tagħlim tas-suġġetti vokazzjonali, biex l-istudenti jkunu preparati aħjar għad-dinja tax-xogħol.
“Aħna hawnhekk ngħallmu sitt suġġetti vokazzjonali differenti li huma l-hairdressing and beauty, hospitality , media, fashion, enginering technology u information technology. Dawn kollha għandhom laboratorji ġodda apparti laboratorji tal-kompjuter, laboratorji tad-design and technology li kollha huma fi blokok differenti u huma facilitajiet ġodda.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Owen Bonnici, spjega kif apparti dan l-investiment, fi ftit ġimgħat oħra mistenni jitlesta x-xogħol fi blokkok oħra f’din l-istess skola.
“B’kollox 350 student li issa se jkollom l aqwa tghamir u rizorsi ghall avvanz edukattiv taghhom. Fiz zmien li ġej se nkunu qed nawguraw ukoll ix -xoghol fuq blokka 4 u blokka 5.”
L-iskola se ssir aċċessibbli għall-istudenti kollha permezz ta’ bini ta’ lifts fil-binja kollha, filwaqt li se ssir ukoll ħidma fuq il-blokka tal-amministrazzjoni.