Il-Kunsill Lokali tal-Gżira għaddej b’ħidma sħiħa kontra l-proposta għall-bini ta’ pompa tal-petrol fi Ġnien il-Kunsill tal-Ewropa fil-Gzira li se tnaqqar xejn inqas minn disa’ mija u tletin metru kwadru ta’ art.
Dan biex jiddefendi spazju miftuħ li jagħmlu użu minnu madwar ħamsin elf ruħ li jiffrekwentawh mil-lokalitajiet tal-Gzira, Tas-Sliema u Ta’ Xbiex.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-ġnien, is-Sindku Laburista tal-Gżira Conrad Borg Manché saħaq li kulma jmur qed jikber il-bżonn ta’ spazji ħodor miftuħa.
“Din l-applikazzjoni kienet saret fin-1999 ġiet mressqa fl-aħħar xhur u indunajt biha b’ċikka, appellajna għall-PRT. Il-PRT tlifnieh sfortunatament u issa qegħdin appell il-qorti u qed nistennew l-eżitu mill-qorti”.
Fil-ġimgħat li għaddew, il-Kunsill nieda petizzjoni fejn qed jitlob biex jiġi ssalvagwardjat il-Ġnien tal-Gżira fl-intier tiegħu.
“Aħna nemmnu li petrol station ġo ġnien mhix posta, impatt ambjentali enormi forsi l-awtoritajiet għadhom mhux qed jirrealizzaw u naħseb l-anqas in-nies s’issa irrealizzaw. Filfatt għalaqna l-area għamilna sinjal kemm ħa tiġi kbira din il-pompa biex in-nies jirrealizzaw l-impatt enormi li ser tħalli fuq ir-residenti li ħa jiġu jgawdu dan il-ġnien.”
Is-Sindku spjega li dan huwa l-aħħar spazju miftuħ prezzjuż ta’ 20,000 metru kwadru, li jagħti nifs lil-lokalitajiet tal-madwar.