Sal-bidu ta’ Settembru ntużaw aktar minn 1.29 miljun voucher – One News

Notifiki

Sal-bidu ta’ Settembru ntużaw aktar minn 1.29 miljun voucher

Sal-bidu ta’ Settembru ntużaw aktar min miljun u mitejn u disgħin elf voucher tal-mitt ewro tal-Gvern minn żewġ miljun u tlieta u għoxrin elf li tqassmu.

Din il-miżura tefgħet aktar minn ħamsa u għoxrin miljun ewro fl-ekonomija Maltija.

Dan intqal f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista li kienet indirizzata mill-Ministru Michael Falzon u s-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo.

Miżura oħra fil-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika kienet dik tat-taxxa tal-boll li niżlet minn 5% għal 1.5%. Dan filfatt wasal għal numru rekord ta’ konvenji iffirmati għax-xiri ta’ propjetà bejn Ġunju u issa.

Is-Segretarju Parlamentari Bartolo fakkar kif f’dan iż-żmien ta’ sfida l-Gvern kien fuq quddiem sabiex ma jintilfux l-impjiegi u minn problema rnexxielu joħloq opportunità, filwaqt li ħaddieħor għamel tliet xhur jiddibatti fuq ħatra ta’ Kap ġdid. Dan kollu seħħ mingħajr mal-Gvern sab spalla fl-Oppożizzjoni, anke f’mument fejn suppost irrenjat l-għaqda nazzjonali.

Huwa stqarr: “Fuq naħa għandna l-Partit Nazzjonalista li ilu dawn l-aħħar tliet xhur jiddibatti kif se jeleġġi kap ġdid, u issa qed jipprova jlaħħaq mar-riżenji li għandu wara dik l-elezzjoni ta’ Kap. Min-naħa l-oħra għandek il-Gvern li ħadem biex isalva n-negozji u l-impjiegi tal-familji. Dan kollu jfisser li l-Partit Laburista fil-Gvern għandu responsabbiltà akbar lejn il-poplu, li jkompli jaħdem aktar u jippjana biex il-futur ikun aħjar biex iż-żmien li ġej ikunu aħjar mix-xhur li għaddew. Din ir-responsabbiltà hija biss tal-Partit Laburista.”

Il-Ministru Michael Falzon spjega li l-Gvern mhux biss ħa azzjoni u għen lill-familji u n-negozji meta tfaċċat il-Covid 19 iżda se jkompli bl-għajnuna tal-ħlas tal-pagi anke sa wara Ottubru. Fakkar ukoll kif Malta kienet fost l-ewwel pajjiżi fl-Ewropa li bdew jagħtu l-għajunijiet lill-familji u n-negozji.

F’Għawdex biss, 45% tas-salarji totali kienu koperti mill-għajnuniet tal-ħlas tal-pagi, u f’Malta din il-miżura kopriet 43%. B’kollox, 20,000 kumpanija kisbet l-għajnuna minn din l-iskema, u aktar minn mitt elf impjieg ġew salvati.

Mal-għajnuniet li ssemmew diġà grazzi għall-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika ta’ disa’ mitt miljun ewro, il-Ministru Falzon fakkar fl-għotja ta’ żewġ miljun ewro lid-djar tal-anzjani kollha. Ingħata wkoll suppliment ta’ mitejn u ħamsin ewro għal kull familja li tirċievi l-In Work Benefit.

Il-Ministru Falzon sostna: “Naħseb li mhux biss se jkun baġit ambizzjuż imma pożittiv ukoll. L-eżistenza tagħna hija bbażata fuq il-ġustizzja soċjali. Din wettaqniha u se nkomplu nwettquha anke fi żminijiet bħal dawn li huma diffiċli. Ngħid biss li f’dan il-baġit kellna 27 miżura soċjali. Se nkunu għamilnihom kollha. Dan huwa Gvern li fejn jidħol is-soċjal mhux xħiħ, u kif għamilna se nibqgħu nagħmlu.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *