Ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tas-18:45 seħħet serqa minn ħanut fi Triq il-Ħalel f’San Pawl il-Baħar.
Skont stqarrija tal-pulizija, huwa mifhum li raġel liebes maskra u allegatament armat b’arma li taqta’ u bil-ponta, daħal fil-ħanut u talab il-flus lil kaxxiera li hija mara Ungeriża ta’ 25 sena.
Il-ħalliel seraq għaxar pakketti sigaretti u ħarab minn fuq il-post. Fortunatament, ħadd ma weġġa’ f’dan il-każ.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Magistrat tal-Għassa Gabriella Vella fejn ħatret diversi esperti biex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.