Daniel Muka jammetti li kien involut fis-serqa iżda jgħid li hu ma qatel lil ħadd – xhieda fil-Qorti – One News

Notifiki

Daniel Muka jammetti li kien involut fis-serqa iżda jgħid li hu ma qatel lil ħadd – xhieda fil-Qorti

Daniel Muka, wieħed mit-tliet suspettati fil-qtil doppju f’tas-Sliema ammetta mal-Pulizija li hu kien involut fis-serqa iżda qal li hu ma qatel lil ħadd.

Din l-informazzjoni ħarġet fil-Qorti l-Ħamis filgħodu hekk kif f’awla erbatax kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Muka b’rabta mal-qtil ta’ Christian Pandolfino u Ivor Majesvski f’Awwissu li għadda.

Quddiem il-Maġistrat Nadine Lia xehed l-Ispettur Colin Sheldon li ta spjagazzjoni ta’ x’sabet il-pulizija fid-dar tal-koppja, dakinhar tad-delitt. Fix-xhieda l-Pulizija qalet li Muka kkopera u qal li l-persuni l-oħra kienu barranin iżda ma kienx jaf x’jisimhom.

Xehedet l-uffiċjal Valerie Mifsud mill-għassa ta’ Sliema fejn qalet kif irċevew telefonata li seħħet xi sparatura. Xħin marret fuq il-post sabet lill oħt Pandolfino li bdiet tgħidilhom li trid tidħol. Dak il-ħin kien hemm  ukoll Alfred Debono li qal li hu z-ziju ta’ Pandolfino li spjega kif wara li sema xi sparatura sema’ qisu xi ħadd jingħi mid-dar tan-neputi tiegħu.

Xehed ukoll it-Tabib tal-Emerġenza Dr. Jonathan Joslin fejn spjega li dak il-lejl daħlitilhom telefonata ta’ emerġenza maġġuri b’possibilità li kien hemm xi nies mejta. Hu spjega li minn Mater Dei ħarġu żewġ timijiet fejn miegħu kien hemm it-tabib l-ieħor tal-emerġenza, Michael Spiteri. Hawnhekk iddeskriva x-xena tad-delitt u kif ż-żewġ tobba sabu żewġ katavri.

Fil-kumpilazzjoni xehdu wkoll sid ta’ showroom tal-karozzi li spjega kif insterqet il-karozza bajda li ntużat f’dan l-omiċidju.

Preżenti fl-awla kien hemm il-familja taż-żewġ vittmi li dehru emozzjonati ħafna bix-xhieda li bdiet tingħad.

Flimkien ma’ Muka qed jiġu akkużati wkoll Viktor Dragomanski u Jesper Kristiansen, li mistenni  jiġi estradit lejn pajjiżna minn Spanja.

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. Ghaliex ma tghidux ezatt x’kien jintqal fix-xihda? Fuq il-qtil ta’ Daphne it-Times xebghu igiebu kull kelma li jghidu ix-xidha.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *