Sid ta’ razzett jeħel 15-il xahar ħabs wara li ħalla l-annimali jgħixu għadma u ġilda fil-ħmieġ – One News

Notifiki

Sid ta’ razzett jeħel 15-il xahar ħabs wara li ħalla l-annimali jgħixu għadma u ġilda fil-ħmieġ

Sergio Borg ta’ 40 sena minn Ħaż-Żebbuġ instab ħati li ħalla diversi annimali fir-razzett tiegħu bla ikel u fil-ħmieġ tagħhom stess u għalhekk, ingħata 15-il xhar ħabs effettivi.

Borg tressaq il-Qorti f’Jannar meta ġie mixli li sforza klieb jgħaddu minn tbatija bla bżonn wara li ġew abbandunati, marbutin b’katina u tħallew bil-ġuħ għal żmien twil.

L-akkużat spjega li għal sitt snin kien qiegħed jikri dan ir-razzett fejn kienu miżmuma l-annimali u meta saret spezzjoni mill-uffiċjali tad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali f’Jannar li għadda, ir-razzett kien għadu mikri għandu. Minkejja dan, Borg ma kienx jgħix f’dan ir-razzett iżda kien jintuża biex jinżammu l-annimali. Mal-ħamest iklieb, kien hemm jgħixu wkoll numru ta’ fniek, żewġ sriedak u beċċun. Borg irrimarka wkoll li fix-xhur ta’ qabel Jannar kien qiegħed isib diffikultà biex isib aċċess għar-razzett.

Dawn l-ostakli ġew minn terzi persuni u l-akkużat ġie sfurzat jaqbeż minn fuq ħajt biex jidħol fir-razzett. Sostna li minħabba l-ostakli, ma setax jidħol fir-razzett regolarment. Minħabba f’hekk, Borg ma setax jagħlef u jnaddaf wara l-annimali.

Il-Maġistrat Rachel Montebello irrimarkat kif l-akkużi miġjuba kontra Borg jeċċedu dak li huwa moħqrija u krudeltà fuq l-annimali.

Il-Qorti rrimarkat kif minflok Borg ħa azzjoni biex jieħu ħsieb l-annimali, għalaq għajnejh u m’għamel xejn biex jassigura l-kumdità u d-dinjità tagħhom. Minħabba f’hekk, fir-razzett instabu żewġ sriedak, qanfud u għasafar mejtin u mingħajr ebda ilma u ikel. Apparti minn hekk l-annimali ħajjin fir-razzett instabu għadma u ġilda mdawrin fil-ħmieġ tagħhom stess.

Il-Qorti qalet li l-piena kellha tirrifletti l-moħqrija u n-negliġenza qawwija murija minn Borg meta b’mod passiv, ikkundanna l-annimali għal din it-tbatija kbira.

Ir-ritratt huwa meħud mill-arkivji

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend