L-ajruport inaqqas l-emissjonijiet b’7.4% – One News

Notifiki

L-ajruport inaqqas l-emissjonijiet b’7.4%

Matul is-sena l-oħra, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta naqqas l-emissjonijiet li jikkontribwixxu għat-tisħin globali b’sebgħa punt erbgħa fil-mija.

Dan bħala parti minn ħidma biex jintlaħaq l-għan tal-ħelsien mill-karbonju sal-2050. Dan ifisser li t-tnaqqis tal-intensità tal-emissjonijiet laħaq il-livell ta’ 0.74 kilogramma ta’ dijossidu tal-karbonju għal kull passiġġier.

L-2019 kienet sena sinjifikanti għall-mitjar Malti f’ħidmietu favur l-ambjent, hekk kif is-sena l-oħra l-kumpanija naqqset l-iskart tal-plastik b’aktar minn 4,700 kilogramma meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.

Tul dawn l-aħħar ħames snin, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kull sena qed jirreġistra tnaqqis fl-intensità tal-emissjonijiet permezz ta’ implimentazzjoni gradwali tal-programm biex tiġi frankata l-enerġija kif ukoll investiment ta’ aktar minn miljun u mitejn elf ewro f’pannelli fotovoltajiċi.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Alan Borg qal li kull sena qed jifhmu aħjar kif jitjieb l-operat fil-mitjar Malti.

L-impjegati tal-kumpanija bbenefikaw minn kważi tnax-il elf siegħa ta’ taħriġ dwar is-sostenibbiltà filwaqt li l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta  appoġġja diversi proġetti filantropiċi għall-benefiċċju tal-komunità b’mod speċjali bi proġetti fl-irħula li jdawru l-mitjar.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *