Il-fidi tgħinu jkollu kuraġġ ta’ sur kontra l-kanċer – One News

Notifiki

Il-fidi tgħinu jkollu kuraġġ ta’ sur kontra l-kanċer

Fl-10 ta’ Awwissu li għadda rċievew telefonata bl-aħbar li binhom għandu kanċer.

Kienet bħal sajjetta fil-bnazzi.

Kollox beda meta Zack Mangion, tifel ta’ tmien snin mar għand id-dentist għax kellu nejba qed tiċaqlaq u s-saqaf ta’ ħalqu minfuħ, għalhekk kien sarlu X-Ray.

Mingħand id-dentist it-tfajjel kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei fejn hemmhekk sarulu xi testijiet oħra fosthom test tad-demm.

Fi żmien ġimagħtejn ħalq u wiċċ it-tifel intefħu b’mod esaġerat tant li kellha ssirlu bijopsija.

Sar magħruf li t-tfajjel mimli ħajja kellu kanċer aggressiv li jaffettwa kull parti tal-ġisem.

Il-kanċer affetwa ħalq it-tifel kif ukoll infirixlu fl-istonku, fil-fwied, sidru, f’għonqu u f’partijiet oħra tal-ġisem.

Minkejja n-numru tat-trattamenti li qed jirċievi t-tifel, Zack jibqa’ tassew ottimist u l-fidi li għandu f’Alla hija parti mill-kuraġġ li għandu biex jiġġieled din l-isfida.

 Huwa qal: “Bambin Ġesù, trust God u nħobb lin-nurses u t-tobba.”

 Omm Zack, Claire Mangion, tkellimna b’kuraġġ ta’ sur: “Ovvjament jiġu mumenti fejn ma jkunux faċli, il-fatt li tkun mifruda minn mar-raġel minn maż-żewġt itfal l-oħra, hija diffiċli. Però dejjem nitlob lil Alla jagħtini l-kuraġġ biex naffaċċja s-sitwazzjoni kif nista’.”

Minkejja li l-imxija tal-Coronavirus firdet lil Claire u Zack minn mal-kumplament ta’ familthom u sħabhom, huma sabu l-faraġ fil-persuni l-oħra li bħalhom ukoll jinsabu f’Rainbow Ward mifrudin mill-għeżież tagħhom.

B’pupu t’iljunfant f’idu li tawh ħutu, Zack għadda messaġġ ta’ kuraġġ lil tfal oħra u persuni fermi kbar minnu li jinsabu għaddejjin minn xi saram.

Zack stqarr: “Ngħidilhom kuraġġ, ngħidilhom trust in God u keep brave.”

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend