Aktar ċentri reġjonali ta’ servizz.gov – One News

Notifiki

Aktar ċentri reġjonali ta’ servizz.gov

Minn l-aħħar li ktibt lil hawn seħħew numru ta’ żviluppi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ għoti ta’ servizzi governattivi liċ-ċittadin.

servizz.gov kompla jkun fuq quddiem nett biex jiffaċilita l-għoti tas-servizzi governattivi. Kif dejjem nistqarr, x’hemm isbaħ milli tiġi bżonn servizz governattiv u ssibu. Forsi min ma jiġix bżonn dawn is-servizzi ftit jinduna kemm isir xogħol minn wara l-kwinti. U dan hu s-Servizz Pubbliku; hemm meta tiġi bżonnu, kif ġejna bżonnu fil-bidu tal-pandemija, li għandna għaddejjin minnha bħalissa, bħal kumplament tad-dinja. Malta mhijiex eċċezzjoni.

Imma lura għas-servizzi governattivi. B’effett minn Ġunju ta’ din is-sena, hekk kif servizz.gov reġa’ fetaħ iċ-ċentri reġjonali u dawk speċjalizzati tiegħu wara l-għeluq kawża ta’ Covid-19, ittrippla fin-numru ta’ ċentri. Dan hekk kif l-Uffiċċji Distrettwali, jew kif nafuhom aħjar, il-Labour Offices, li qabel kienu amministrati mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, ġew taħt it-tmexxija ta’ servizz.gov. B’hekk illum, din l-aġenzija tmexxi total ta’ 23 ċentru madwar Malta. U hekk is-servizz mogħti liċ-ċittadin għandu faċċata waħda, dik ta’ servizz.gov.

servizz.gov twaqqaf bil-għan li jservi ta’ one-stop-shop għaċ-ċittadin, għaliex fil-ħajja mgħaġġla tal-lum m’għadx hemm lok li wieħed joqgħod jaħli l-ħin ifittex xi jrid jagħmel u fejn għandu jmur. Illum iċ-ċittadin dera li meta għandu bżonn xi informazzjoni dwar xi servizz irid iċempel Freephone 153. Inkella jżur wieħed mit-23 ċentru tagħna. Iċ-ċentri huma mifruxin madwar Malta, kif għedt. Mill-aspett ta’ servizz, dawn iċ-ċentri bil-mod il-mod issa qed joffru servizzi mhux biss marbuta mas-sigurtà soċjali imma ma’ oqsma oħra, bħal pereżempju applikazzjonijiet għas-servizz ta’ tagħlim ta’ matul il-ħajja (Lifelong Learning), applikazzjonijiet għal servizzi tal-anzjani, oħrajn marbuta mal-qasam tal-edukazzjoni. U minn hawn u ftit oħra jibdew joffru wkoll servizzi marbuta mat-taxxa. Bażikament, is-servizzi governattivi kollha taħt saqaf wieħed.

Ftit tal-ġimgħat ilu, meta kont f’servizz.gov Żurrieq, fejn qabel kien l-Uffiċċju Distrettwali, daħlet anzjana ssaqsi dwar il-pensjoni tagħha. Kif lestiet saqsiet lir-rappreżentanta ta’ servizz.gov jekk tistax tapplika għal Meals on Wheels u din ir-rappreżentanta dlonk weġbitha fl-affermattiv u applikatilha f’isimha. Għax kif dejjem ngħid, x’hemm isbaħ li meta tiġi bżonnn servizz issibu, u issibu taħt l-istess saqaf. Li kieku dan il-kunċett ta’ one-stop-shop ma kienx jeżisti, kienu din l-anzjana ta’ madwar 80 sena kien ikollha tterraq lejn il-Belt Valletta biex tapplika, bl-iskumdità u l-iskariġġ li jġib miegħu.

Allura, iva, nemmnu li servizz.gov qed jagħmel id-differenza f’ħajjet iċ-ċittadin. U hekk se nkomplu nagħmlu, biex lill-klijenti tagħna nagħtuhom is-servizz ta’ eċċellenza li wegħidniehom u li jistħoqqilhom.

Biex nipprovdu dan is-servizz ta’ eċċellenza, l-aġenzija qed tkompli tikber u fi ftit tal-ġimgħat oħra tniedi l-Kwartieri l-ġodda tagħha. Kommessi li nroddu dan kollu lura b’iktar ħidma u aktar servizzi governattivi ta’ kwalità.

Ta’ QabelLi Jmiss
Melissa Vella Buhagiar hija ċ-Chief Operations Officer tal-aġenzija tal-Gvern servizz.gov li tiġbor fi ħdanha s-servizzi governattivi kollha. F’dan il-blog se tkun qed twassal informazzjoni dwar is-servizzi li joffri servizz.gov permezz tas-sit elettroniku servizz.gov.mt, il-ħames ċentri reġjonali tiegħu u l-Freephone 153.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend