Bernard Grech jirbaħ l-elezzjoni għal Kap tal-PN

Bernard Grech, il-kandidat tal-establishment li kien imbuttat mid-deputati ribelli li sfiduċjaw lil Adrian Delia rebaħ l-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista. Riżultat uffiċjali tal-Kummissjoni Elettorali wera li Bernard Grech kiseb 12,663 vot filwaqt li Adrian Delia kiseb 5,622 vot. Kien hemm 77 vot invalidu. F’din l-elezzjoni kien hemm aktar minn 3,220 tesserat li għażlu li ma jivvutawx f’din l-elezzjoni għal Kap Nazzjonalista.

Ftit wara li beda l-proċess tas-‘sorting’ tal-voti, fil-garżelli ta’ Grech deher li kien hemm iżjed voti mill-garżelli ta’ Delia. Ġewwa d-Dar Ċentrali mal-ewwel bdiet tidher atmosfera ta’ tensjoni hekk kif hemm uċuh bid-daħqa u oħrajn imdejqin bl-ewwel indikazzjonijiet tar-riżultat. Bernard Grech mhuwiex deputat Parlamentari u għalhekk wieħed irid jistenna iżjed żviluppi biex xi ħadd iċedilu siġġu parlamentari biex b’hekk ikun jista’ jsir Kap tal-Oppożizzjoni.

Intant fost l-ewwel esponenti mill-establishment Nazzjonalista li awguraw lil Grech kien hemm Simon Busuttil li awgura lil Bernard Grech għar-rebħa tiegħu fuq Adrian Delia. Fuq il-midja soċjali, ċċirkola filmat ta’ Bernard Grech jiċċelebra r-rebħa tiegħu fuq il-Kap uxxenti Adrian Delia. Flimkien ma’ Grech dehru numru ta’ esponenti Nazzjonalisti fosthom Chris Said, Beppe Fenech Adami, Karol Aquilina u diversi esponenti tal-MŻPN li tul dawn l-aħħar xhur kienu qed jitolbu lil Delia biex iwarrab.

Intant f’konferenza tal-aħbarijiet, Adrian Delia kkonċeda t-telfa fl-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista. Huwa awgura lil Bernard Grech u qal li se jkun leali lejh. Qal li r-rivoluzzjoni li ried jagħmel fil-Partit Nazzjonalista  kienet prematura u kien hemm wisq elementi konservattivi fil-partit li riedu jirreżistuha. Intant diversi partitarji quddiem id-Dar Ċentrali spiċċaw jiġġieldu hekk kif il-Kap uxxenti Adrian Delia ħareġ mill-bini. Filmati ta’ ONE News qabdu din il-kommossjoni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend