Is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar iżżur lill-priġunieri nisa fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – One News

Notifiki

Is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar iżżur lill-priġunieri nisa fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar żaret lill-priġunieri nisa li spiċċaw il-ħabs jiskontaw sentenza relatata ma’ tlajjar għal skopijiet ta’ prostituzzjoni.

Din iż-żjara saret fid-dawl tal-fatt li wasal biex jitlesta r-rapport tal-Kumitat Tekniku għar-Riforma dwar il-Prostituzzjoni.

Is-Segretarju Parlamentari Cutajar saħqet dwar l-importanza li nisimgħu l-esperjenzi ta’ dawn l-individwi sabiex nifhmu x’verament jinħtieġ sabiex ngħinuhom.

Hija sostniet kif waħda mir-raġunijiet għaż-żjara tagħha ġewwa l-ħabs kienet biex tgħin fit-tkissir tal-istigma fil-konfront tal-priġunieri, li ħafna drabi jibqgħu jġorruha magħhom anke wara li jkunu skontaw is-sentenza tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari Cutajar ħabbret li, fil-jiem li ġejjin, is-Segretarjat tagħha u l-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) se jiffirmaw ftehim li permezz tiegħu se jkun introdott għall-ewwel darba f’pajjiżna ‘exit programme’ għal dawk il-persuni li jaħdmu fil-qasam tal-prostituzzjoni u li jridu jfittxu ħajja ġdida u xogħol ġdid.

Fi stqarrija maħruġa mis-Segretarja Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi ntqal li l-FSWS fil-fatt diġà qed taħdem fuq ir-reklutaġġ tal-professjonisti soċjali meħtieġa u anki fuq it-taħriġ speċifiku li jeħtieġu biex jgħinu lil-dawk li jaħdmu fil-qasam tal-prostituzzjoni li jridu joħorġu minn dik il-ħajja.

Is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar rringrazzjat lid-Direttur Ġenerali tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin Alexander Dalli u lill-gwardjani kollha tax-xogħol siewi tagħhom li jagħmlu b’tant dedikazzjoni u mħabba.

Ritratti: MJEG_PS

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend