Is-sistema kompjuteruzzata tal-Liċenzja tas-Sewqan u tal-Vettura ġiet lura għan-normal.
Intqal dan fi Stqarrija minn Trasport Malta, fejn ġie spjegat kif minn dalgħodu l-Awtorita` ser tiftaħ l-uffiċini tagħha fil-binja A3 Towers f’Raħal Ġdid fejn il-klijenti jistgħu jmorru u jinqdew għat-transazzjonijiet relatati ma’ reġistrazzjoni, tibdil fi-sid tal-karozza jew transazzjonijiet oħra relatati mal-liċenzji tas-sewqan.
Transport Malta qalet li l-uffiċini tal-Liċenzja tas-Sewqan u tal Vettura (DVLU) f’Ħal Lija ser jibqgħu magħluqin sakemm jinħareġ avviż ieħor. Madanakollu, il-klijenti jistgħu jiddepożitaw id-dokumenti tagħhom f’Ħal Lija u dawn jistgħu jinġabru l-għada. Dan is-servizz jingħata mill-ewwel fl-uffiċini ta’ Raħal Ġdid.
Is-servizzi fl-uffiċini ta’ Transport Malta f’Għawdex baqgħu jingħataw b’mod regolari mit-Tnejn sal-Ġimgħa.
It-transazzjonijiet li ġew depożitati din il-ġimgħa, kemm f’Raħal Ġdid u anka f’Ħal Lija, ser jiġu proċessati fi tmiem il-ġimgħa.
Il-klijenti jistgħu jiġbru dawn it-transazzjonijiet kemm minn Raħal Ġdid u kemm minn Ħal Lija, minn nhar it-Tnejn filgħodu.