“Neħtieġu azzjoni qawwija u urġenti biex inneħħu l-iskart mill-ibħra tagħna” – Il-Ministru Aaron Farrugia – One News

Notifiki

“Neħtieġu azzjoni qawwija u urġenti biex inneħħu l-iskart mill-ibħra tagħna” – Il-Ministru Aaron Farrugia

“Għexieren ta’ snin sħaħ ta’ użu mhux sostenibbli ta’ plastik wassal biex illum neħtieġu azzjoni qawwija u urġenti biex inneħħu dan l-iskart mill-ibħra tagħna. Il-plastik li jintuża darba biss, b’mod partikolari, jagħmel ħsara kbira lill-ekosistemi tagħna.”

Dan qalu l-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia, waqt li kien qed jitkellem f’laqgħa informali għall-Ministri responsabbli mill-ambjent u l-klima tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. Din il-laqgħa kienet organizzata f’Berlin mill-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru Farrugia qal li Malta ddikjarat 35% tal-ibħra territorjali tagħha u 28% tat-territorju fuq l-art, bħala żoni protetti.

Fakkar li ftit tal-jiem ilu waqt summit tal-Ġnus Magħquda, għadd ta’ mexxejja minn madwar id-dinja qablu li jagħtu s-sostenn tagħhom għall-bijodiversità. Qal li kulħadd għandu jagħmel l-għalmu tiegħu sabiex ikollna qafas globali ġdid għall-bijodiversità u li l-konvenzjoni COP fuq il-bijodiversità għandha sservi ta’ okkażjoni biex inżidu l-impenn tagħna lejn il-konservazzjoni u l-immaniġġjar aħjar tar-riżorsi tagħna.

Il-Ministru Farrugia kompla jispjega li Malta għandha tindirizza l-isfida tal-klima permezz ta’ miżuri ġodda fl-oqsma tat-trasport u biex l-ippjanar f’pajjiżna jkun iktar effiċjenti fil-konsum tal-enerġija. Huwa qal li l-Gvern Malti hu kommess li jimplimenta l-miżuri neċessarji biex inaqqas l-emissjonijiet.

Żied li Malta dalwaqt se tkun qed tħabbar id-data li fiha se tkun qed twaqqaf l-importazzjoni ta’ karozzi li jaħdmu bil-fjuwil.

Il-Ministru Farrugia sostna li l-Gvern se jkompli jinvesti biex l-infrastruttura tat-toroq ta’ pajjiżna tkun waħda li tillimita l-konġestjoni tat-traffiku u tindirizza d-domanda għall-użu ta’ sorsi alternattivi ta’ enerġija, bħall-użu ta’ karozzi li jaħdmu bl-elettriku.

Ritratti: MECP

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend