Il-Prim Ministru jħalli Malta għal Summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell – One News

Notifiki

Il-Prim Ministru jħalli Malta għal Summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell

Il-Prim Ministru Robert Abela llum ħalla Malta għal Brussell fejn se jattendi għal Summit speċjali tal-Kunsill Ewropew li se jsir bejn illum u għada.

Il-mexxejja Ewropej bdew jaslu għal dan is-summit ftit tal-ħin ilu.

Huma mistennija jiddiskutu s-suq waħdieni, il-politika industrijali u t-trasformazzjoni diġitali.

Il-kwistjoni tal-immigrazzjoni mistennija wkoll tkun fuq l-aġenda ta’ dan is-Summit li jsegwi wara li l-Kummissjoni Ewropea ħabbret patt ġdid dwar l-immigrazzjoni u ż-żjara uffiċjali f’Malta, tal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel.

Fit-taħdidiet uffiċjali li kienu saru f’Malta, il-Prim Ministru Robert Abela kien saħaq li pajjiżna ma jiflaħx għal aktar wasliet ta’ immigranti u sostna li s-soluzzjoni għall-isfida tal-immigrazzjoni mhix li l-Unjoni Ewropea tagħti iżjed flus għall-pajjiżi milquta direttament mill-immigrazzjoni, bħal Malta, iżda li l-istati membri kollha jerfgħu r-responsabiltajiet tagħhom u jaqsmu l-piż ta’ din il-kwistjoni.

Fuq il-mejda tad-diskussjonijiet ta’ dan il-Kunsill Ewropew hemm ukoll l-affarijiet barranin, b’mod partikolari r-relazzjonijiet mat-Turkija u s-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Mediterran.

Il-mexxejja mistennija wkoll jindirizzaw ir-relazzjonijiet maċ-Ċina, is-sitwazzjoni fil-Belarus u l-avvelenament tal-mexxej tal-Oppożizzjoni Russu, Alexei Navalny.

 

Ritratt: Ray Attard

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend