Notifiki

Editorjal tal-gazzetta indipendenti jgħid li l-ebda kandidat għal Kap tal-PN ma jispirak

M’għand Adrian Delia u Bernard Grech smajna r-retorika iżda ma smajna l-ebda proposta konkreta fuq l-ekonomija u l-immigrazzjoni fost oħrajn.

Dan kien kliem l-editur tal-gazzetta ‘The Malta Independent’ fil-ħarġa tal-Ħamis.

Bit-titlu ‘As uninspiring as they come’, il-gazzetta indipendenti qalet li dak li rajna fl-aħħar ġimgħat ta’ kampanja nistgħu ngħidu li l-ebda kandidat ma wera kif ikun Prim Ministru.

Intqal kif id-dibattitu bejn iż-żewġ kandidati, tat-Tlieta li għadda ma qatax il-kurżità dwar kif Adrian Delia jew Bernard Grech ikunu jekk jingħataw il-fiduċja u jmexxu dan il-pajjiż.

F’kuntest li issa għaddew snin twal li fil-Partit Nazzjonalista saltnat il-firda, l-editur tal-Independent kiteb li ż-żewġ kandidati semmew l-għaqda iżda għadu mhux ċar kif dawn se jġibu din l-għaqda fil-partit.

L-editorjal tal-gazzetta semma wkoll id-dellijiet li hemm fuq Bernard Grech u Adrian Delia b’rabta man-nuqqasijiet fiskali tagħhom fi ħlas ta’ taxxa u VAT.

Hawn issemma r-rapport tad-due diligence li kull ma għamel għatta ftit ix-xemx bl-għarbiel, il-kredibilità taż-żewġ kandidati għat-tmexxija Nazzjonalista.

L-Independent innutat ukoll il-fatt li għal bidu deher li hemm iżjed kandidati li kienu se jitfgħu isimhom fit-tellieqa iżda mbagħad tpoġġa kandidat wieħed biex jisfida lil Delia.

Intant fuq it-Times, l-esponent tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, Godfrey Leone Ganado faħħar il-proċess tad-due diligence u naturalment fetaħ attakk fuq Adrian Delia iżda prova jraqqa’ l-pannu bil-qargħ’aħmar fil-konfront ta’ Bernard Grech.

Skont dak li ftit tal-jiem ilu l-Qorti żammitu responsabbli ta’ kliem dispreġjattiv fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar, qal li Delia huwa ta’ riskju għoli għall-partit filwaqt li Grech huwa ta’ riskju baxx għall-Partit Nazzjonalista.

Huwa kritika bl-aħrax lil Delia għall-allegazzjonijiet li għandu fuq rasu iżda skuża lil Grech talli għal snin twal ma kienx ħallas eluf ta’ ewro f’taxxa u f’VAT u saħansitra ma kienx iddikjara dħul minn attivitajiet kummerċjali, bħal meta ma kienx iddikjara mat-tnejn u tletin elf ewro fi flus li daħħal talli raqqad għandu studenti barranin li ġew f’pajjiżna biex jistudjaw l-Ingliż.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend