BIL-FILMAT: Trid tmut qablu iżda hu jħobbha b’imħabba tal-ġenn  – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Trid tmut qablu iżda hu jħobbha b’imħabba tal-ġenn 

Dawn huma Karmnu Camilleri jew kif magħruf ma’ bosta bħala s-Simmy ta’ wieħed u tmenin sena u martu Ċetta Camilleri ta’ tlieta u tmenin sena.

Koppja anzjana miż-Żurrieq mimliJa għomor u enerġija.

Tul ħajjithom raw u għaddew minn kollox.

Karmnu u Ċetta qattgħu ħajjithom dejjem ma’ xulxin jaraw kif se jgħixu l-ħajja sempliċi tagħhom, bit-tnejn ġejjin minn familja tal-ħaddiem.

F’darhom fiż-Żurrieq, il-koppja anzjana li ilha miżżewġa għal aktar minn sittin sena, irrakkuntaw kif iltaqgħu.

Huma rrakkuntaw: “Qalli hemm waħda ara taqbadx naqra magħha, għidtlu ħa ngħidlek jiena niġi però jekk ma togħġobnix tgħidx l-għada ma ġejtx għidtlu anzi lesti li tkun tagħmel int ħa niġu lura u f’kelma waħda kif rajtha għidt din hi.”

Bid-dmugħ f’għajnejhom Ċetta u Karmenu qalulna li bħal kull koppja u familja oħra huma għaddew min-niket, meta Ċetta kellha kanċer f’sidirha.

Huma komplew jgħidulna: “Kienet naqra ma tiflaħx b’sidirha u kienet kbira għalina jien u hi imma l-Mulej sibilna anke professur qatt ma bsartha għalih kemm għenna u ħriġna minnha. Kemm ilek Ċett? Ilni għaxar snin.”

Dlonk il-kliem qeleb fuq il-gwerra: “Fix-xelter nidħlu fil-kamra kellna fanal konna nixgħeluh għax fix-xelter ma kienx hemm dawl u ma kien hawn imkien dawl u nagħmlu xi naqra te u  kulħadd ipaċpaċ u jgħid u ngħidu r-rużarju u ħafna minn dawn l-affarijiet.”

Ma jonqosx li ż-żewġ Żrieraq jkunu devoti ferm lejn il-Madonna tal-Karmnu, b’Karmnu jgħidilna kif kien jerfa’ l-istatwa tant għażiża għalih.

Huwa sostna: “Erfajt darbtejn fiha jien imma mbagħad warrab għax naf li jkun hemm ħaddieħor biex jerfa’ qed tifhem imbagħad qbadt l-istandard u għamilt tmien snin noħroġu ma hemmx kwalunkwe festa li ssir noħorġu dejjem jiem imbgħad ċedejt u qabdu ħaddieħor għax jiena missieri għallimni waħda jekk ma tkunx tiflaħ tkisser karawetta tkissirx lewża.”

Ċettina u Karmnu għandhom żewġt itfal, ħames neputijiet u huma bużnanniet ta’ wieħed, li jġibu biss ferħ magħhom kull meta jżuruhom id-dar.

B’nostalġija kbira waqt li konna f’darhom, il-koppja anzjana bdew juruna ritratti ta’ żmien ilu, fosthom ta’ meta iżżewġu u anke tal-ġenituri tagħhom.

Intant, Ċettina qaltilna li hija għandha xewqa waħda: Ix-xewqa tiegħi hija li nixtieq li mmut qablu jien u mhux hu qabli  ħalli almenu ma nkunx naf xejn x’sar u ma sarx lanqas lil ommi ma rajt mejta u lil ħija miet ta’ ħames snin.”

Ħallejna lil Ċettina u Karmnu jkomplu jgawdu l-ħin prezzjuż ma’ xulxin. Jiftakru u jirrakuntaw lil xulxin il-memorji ta’ meta kienu għadhom ħalib ommhom fi snienhom, żmien li skonthom mhuma se jinsewh qatt.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend