L-użu tal-istrumenti ta’ rkupru tal-UE diskussi f’laqgħa ħalli jkun żgurat li l-isfidi preżenti u futuri jiġu indirizzati – One News

Notifiki

L-użu tal-istrumenti ta’ rkupru tal-UE diskussi f’laqgħa ħalli jkun żgurat li l-isfidi preżenti u futuri jiġu indirizzati

L-istrumenti finanzjarji li l-Unjoni Ewropea qed tressaq permezz tal-Politika ta’ Koeżjoni u l-Pjan tal-Irkurpru Ewropew ġew diskussi f’laqgħa ta’ livell għoli ma’ ministri responsabbli mill-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni Ewropea li ħa sehem fiha s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi.

Dan hekk kif l-Unjoni Ewropea pprovdiet strumenti finanzjarji addizzjonali fid-dawl tal-pandemija bil-għan li l-ekonomija Ewropea terġa’ tqum fuq saqajha u l-ebda pajjiż ma jitħalla jaqa’ lura.

Matul din il-laqgħa virtwali ġew diskussi kif dawn l-istrumenti ta’ rkupru għandhom jintużaw ħalli jkun żgurat li l-isfidi preżenti u futuri jiġu indirizzati. Il-politika ta’ koeżjoni kienet strumentali biex sar żvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali madwar l-Unjoni Ewropea.

Is-Segretarju Parlamentari stqarr li l-unità tal-politiki strutturali u ta’ koeżjoni tkompli taqdi rwol importanti anke fit-twettiq tal-qafas finanzjarju għas-seba’ snin li ġejjin.

Fi stqarrija, is-segretarjat parlamentari għall-fondi Ewropej temm jgħid li Malta wriet kif il-politika ta’ koeżjoni tista’ tipprovdi għall-investiment strateġiku li tassew jagħmel differenza u għaldaqstant fis-seba’ snin li ġejjin Malta għandha tkompli taħtaf dawn l-opportunitajiet ħalli il-pakkett ta’ €2.25 biljun li l-Prim Ministru Robert Abela rnexxielu jakkwista għal Malta jintuża bl-aqwa mod u jħalli l-akbar impatt fuq l-ekonomija u l-benessere tas-soċjetà Maltija kollha.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend