Tidħol fiċ-ċirkolazzjoni l-Karta tal-Identità Maltija l-ġdida – One News

Notifiki

Tidħol fiċ-ċirkolazzjoni l-Karta tal-Identità Maltija l-ġdida

Mit-Tnejn daħlet fis-seħħ iċ-ċirkolazzjoni tal-Karta tal-Identità l-ġdida. Din hija teknoloġikament avvanzata li tinkludi fiha numru ta’ security features ġodda, immirati biex iħarsu aħjar l-identità tal-persuna u jagħmluha aktar diffiċli biex tiffalsifika.

It-tnedija ta’ din il-Karta tal-Identità saret fl-uffiċini ta’ Identity Malta mill-Prim Ministru Robert Abela. Il-Prim Ministru saħaq li quddiem it-theddida globali tal-iffalsifikar tad-dokumenti u s-serq tal-identità, pajjiżna għal darb’oħra qed ikun pro-attiv.

Dan hekk kif pajjiżna qed ikun mill-ewwel pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea li qed jintroduċi dawn id-dokumenti skont l-aħħar regolamenti maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea. Innota wkoll li aktar kmieni din is-sena l-passaport Malti l-ġdid rebaħ il-premju prestiġġjuż għall-aktar dokument sigur fir-reġjun, il-Gvern Malti ħaseb sabiex id-dokument ta’ identità ewlieni Malti ssirlu qabża oħra fil-kwalità bl-użu tal-aħħar avvanzata.

L-introduzzjoni ta’ din il-karta tal-identità tkompli mal-istrateġija diġitali tal-Gvern għaliex permezz tagħha d-detentur jista’ jibda jiffirma dokumenti b’mod diġitali kif ukoll jaċċessa u jivverifika l-awtentiċità tiegħu meta jagħmel użu minn numru ta’ servizzi governattivi online.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Identity Malta Anton Sevasta spjega kif id-dettalji tad-detentur se jkunu laser-engraved fuq materjal polycarbonate substrate bl-iswed u l-abjad, li hu materjal b’saħħtu ħafna fih innifsu u li jagħmilha ferm diffiċli biex id-dokument ikun imbagħbas mingħajr ebda traċċi ta’ attakk.

Barra minn hekk, il-Karta tal-Identità l-ġdida hija waħda contactless u d-data maħżuna fuqha tista’ tiġi aċċessata biss bl-użu tal-Card Access Number li hu stampat fuq quddiem tal-karta jew maħżun fil-QR code fuq wara. Il-ħsieb wara dan hu biex nipproteġu aktar lid-detentur milli jinsterqulu d-dettalji personali tiegħu.

Il-karta tal-identità Maltija li tinħareġ biss liċ-ċittadini Maltin ġiet iddisinjata biex tħares iktar l-identità tal-persuna, bil-prodott finali jkun wieħed ta’ kwalità għolja.

Għal din it-tnedija kien hemm il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Alex Muscat.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend