Riċerka xjentifika dwar l-istokkijiet tal-ħut  – One News

Notifiki

Riċerka xjentifika dwar l-istokkijiet tal-ħut 

B’investiment ta’ ħames miljun ewro, ko-finanzjati b’fondi Ewropej, qed issir riċerka dwar il-ħut tal-gżejjer Maltin permezz ta’ involviment f’diversi proġetti nazzjonali kif ukoll dawk internazzjonali biex is-settur tas-sajd ikun aktar sostenibbli.

Din ir-riċerka xjentifika tittratta dwar l-aspetti bioloġiċi u soċjo-ekonomiċi tas-sajd.

Id-direttriċi fi ħdan is-settur tas-sajd, Dr. Alica Said, stqarret li permezz ta’ din ir-riċerka se jkunu ppubblikati numru ta’ rapporti, kif ukoll studji xjentifiċi bil-għan li jsir titjib fis-settur tas-sajd.

“Informazzjoni dwar l-istokijiet tal-ħut tal-qiegħ, jew ħut dimersali li jinsabu kemm fil-ħamsa u għoxrin mil u lil hinn minnu. B’dan il-mod aħna nifhmu aħjar x’tip ta’ ħut jinqabad f’dawn iż-żoni, l-abbundanza tagħhom  u nkunu nistgħu noħorġu stock assesment  sabiex niffurmaw policies fil-livell tal-Mediterran.”

Il-Ministru għas-Sajd Anton Refalo qal li din ir-riċerka issir bil-għan li nifhmu aħjar is-sostenibbiltà tal-istokkijiet tal-ħut.

Spjega kif dan l-istudju jdum madwar ġimagħtejn fejn jintuża bastiment ta’ sajjieda Maltin attrezzat għal din it-tip ta’ riċerka u jittella’ l-ħut sabiex issir l-analiżi ta’ dawn l-istokkijiet diversi.

“Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma importanti ħafna biex is-settur jibqa’ jimxi ‘l quddiem. Qegħdin naraw li bħala Ministeru niġbru data kollha li hija importanti, x’inhu jiġri madwar Malta tagħna, biex hemmhekk aħna nieħdu data għal livell reġjonali.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi rrimarka li permezz ta’ din ir-riċerka, Malta se tkun tista’ tonora l-obligazzjonijiet tagħha skont il-Politika Komuni tas-Sajd kif ukoll il-Politika Marittima Integrata tal-Unjoni Ewropea.

“Din ir-riċerka hija importanti biex nifmu aħjar il-ħtiġijiet li hemm bżonn biex inkunu qed nagħmlu pjannar għal qasam tas-sajd”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend