“Kienet l-aħjar miżura biex inżammu n-nies fl-impjieg” – id-Direttur Ġenerali tal-MEA  – One News

Notifiki

“Kienet l-aħjar miżura biex inżammu n-nies fl-impjieg” – id-Direttur Ġenerali tal-MEA 

L-aħbar li l-għajnuna tal-Gvern fi ħlas tal-pagi għal żmien il-pandemija se tkun estiża anki għal wara Ottubru, intlaqgħet b’mod tajjeb ħafna mid-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem.

Joe Farrugia stqarr li din kienet l-aħjar miżura tal-Gvern biex fl-aħħar xhur, in-nies baqgħu fl-impjieg u ma spiċċawx bla xogħol.

Kien il-Prim Ministru Robert Abela li fl-intervista tal-Ħadd ħabbar li din l-iskema ta’ għajnuna se terġa’ tkun estiża.

“Il-COVID Wage Supplement salva mitt elf impjieg b’mod dirett u indirett. Ħa nagħti aħbar. Dak il-COVID Wage Supplement se jibqa’ u mhux se jibqa’ sal-aħħar t’Ottubru imma se jiġi estiż.”

Id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem innota li fl-aħħar xhur, il-qgħad f’Malta ma żdiedx, minkejja li numru ta’ kumpaniji naqsilhom ħafna x-xogħol riżultat ta’ sfida globali.

Iżda l-istrateġija li adotta l-pajjiż, u l-iskemi ta’ għajnuna tal-Gvern, għenu biex il-kumpaniji ma naqqsux l-impjegati.

“Din għenet ħafna kemm lill-ħaddiema nfushom u għenet ukoll lill-kumpaniji li qegħdin jantiċipaw li jkun hemm xi recovery – għax dan mhux ħa nibqgħu bil-COVID għal dejjem – u allura jkollhom in-nies diġà magħhom meta jkollhom bżonnhom biex jerġgħu jibdew jaħdmu fuq il-livelli li kienu jaħdmu bihom qabel. Mingħajr il-COVID Wage Supplement – u għalhekk naħseb kienet l-aħjar miżura mill-miżuri kollha li ttieħdu – dan ma kienx ikun possibbli għal ħafna azjendi f’Malta.”

Is-Sur Farrugia nnota li din l-iskema ta’ għajnuna għenet biex inqasam il-piż tal-pagi.

Irrimarka wkoll li l-Gvern għandu piż kbir għaliex din il-miżura magħduda ma’ miżuri oħra li ttieħdu u se jittieħdu fil-budget li ġej, jiswewh miljuni ta’ ewro.

“L-għajnuna l-Gvern ma kienx u mhuwiex f’pożizzjoni li jaqbad inaqqasha f’daqqa allura biex inkomplu għaddejjin b’dan ir-ritmu biex inżommu l-ekonomija tibqa’ miexja, il-Wage Supplement irid ikun hemm, naturalment hemm min igorr jgħidlek jiena ma missnix, għaliex mhux il-kumpaniji kollha kienu eliġibbli għalih però nafu wkoll li mhux is-setturi kollha ntlaqtu bl-istess mod.” 

Is-Sur Farrugia temm jgħid li l-iskop wara din il-miżura u oħrajn li ttieħdu fl-aħħar xhur minħabba l-imxija tal-COVID-19, intlaħaq, għaliex ħallew riżultati tajbin ħafna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend