Il-ġlied fil-Partit Nazzjonalista qed ikompli jintensifika fil-ġimgħa tal-elezzjoni għal Kap.
It-tesserati li jappoġġjaw liż-żewġ kandidati, jiġifieri lil Bernard Grech u Adrian Delia spiċċaw jiġġieldu bi kliem xejn kumplimentuż fuq il-midja soċjali.
Fuq il-midja soċjali, il-kunsillier Nazzjonalista fuq tas-Sliema, Anton Debono, magħruf għall-appoġġ tiegħu lejn Adrian Delia, spiċċa fil-mira ta’ Lina Wain, il-mara tal-Professur Kenneth Wain li kien inħatar bħala Kummissarju għall-Għaqdiet mhux governattivi fi żmien Gvern Nazzjonalista.
Lina Wain, li tappoġġja lil Bernard Grech spiċċat tgħajjar il-ħiliet tal-kitba ta’ Debono li mill-banda l-oħra spiċċa urta ruħu.
Kien hemm bosta kummenti t’appoġġ u turija ta’ solidarjetà lejn Debono.
Fost il-kummenti kien hemm min fakkar dak li kien kiteb Andrew Borg Cardona magħruf bħala ‘Il-Boċċa’.
F’Lulju li għadda, meta Delia kien qed jiġi sfiduċjat, Andrew Borg Cardona, esponent ewlieni Nazzjonalista mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil kien infexx f’tgħajjir estrem kontra dawk li jappoġġjaw lil Adrian Delia.
Qalilhom li huma Nazzjonalisti tat-tielet klassi.
F’kitba fuq il-profil tiegħu fuq facebook, li iżda tneħħiet ftit wara, Borg Cardona żied jgħid li imbagħad hemm dawk li jridu lil Kap Nazzjonalista jitlaq.
Dawn sejħilhom bħala Nazzjonalisti tal-ewwel klassi u nies li għandhom moħħ.
Dan il-kumment ta’ Borg Cardona, persuna li qatt m’aċċetta l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, kien ġab l-istmerrija ta’ bosta.
Issa jidher li hemm ġlieda għaddejja bejn it-tesserati Nazzjonalisti li jqisu lilhom infushom bħala tal-ewwel klassi u dawk li hemm min ukoll jistmahom tat-tielet klassi.