BIL-FILMAT: L-edukaturi jirritornaw għal sena skolastika ġdida – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: L-edukaturi jirritornaw għal sena skolastika ġdida

L-edukaturi daħlu lura fl-iskejjel madwar il-pajjiż hekk kif it-Tnejn ingħata bidu għal sena skolastika ġdida, wara li fil-ġimgħat li għaddew ġew implimentati aktar minn ħamsin miżura ta’ prekawzjoni minħabba l-COVID-19.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici qal li qabel fetħu l-iskejjel, sar l-assessjar tar-riskju f’kull skola, u dawn ġew iċċertifikati kollha bħala konformi mal-protokolli tal-Awtoritajiet tas-Saħħa u tal-Edukazzjoni.

“Ir-risk assessments ma sarux minna imma saru minn risk assessers indipendenti fuq l-elenku tal-OHSA u dan huwa turija oħra tas-serħan il-moħħ li għandu jkollhom il-ġenituri li aħna ħadna l-miżuri kollha biex nimminimizzaw ir-riskji.”

Dan jirrifletti ħidma li bdiet mal-għeluq tal-iskejjel f’Marzu li għadda minħabba l-imxija tal-COVID-19, wara diskussjonijiet ma jaqtgħu xejn mal-imsieħba kollha fis-settur.

Il-miżuri huma varji u jibdew mill-grada tal-iskola, fejn tittieħed it-temperatura tal-persuni li huma awtorizzati li jidħlu fl-iskejjel, li wara jaħslu jdejhom bis-sanitizer.

Fl-entratura ta’ kull skola hemm uffiċjal tas-sigurtà li jara li dawk kollha li jkunu deħlin iżommu mal-protokolli.

Fl-iskejjel trid tintlibes il-maskra, u tinżamm id-distanza kemm fil-klassijiet u fil-kurituri.

Fl-iskola hemm ukoll kamra apposta fejn jiġu iżolati l-istudenti f’każ li jkun feġġ każ ta’ Covid-19 u tkun trid tiġi kkontrollata s-sitwazzjoni.

Tul il-jum tat-Tnejn, madwar għaxart elef edukatur daħlu f’aktar minn mitt skola tal-istat biex jiddiskutu l-aħħar tħejjijiet qabel jibdew jilqgħu l-istudenti.

Il-Kap tal-Iskola Primarja ta’ Ħal Għaxaq tkellmet b’emozzjoni dwar l-ewwel jum lura l-iskola tal-edukaturi wara aktar minn sitt xhur.

“Illum, li terġa’ tara l-iskola mimlija bin-nies, bl-edukaturi, tara dak l-entużjażmu, kulħadd dieħel fil-klassi, jiċċekkja x’għandu u x’m’għandux, kulħadd ġej ikellimni, huwa feeling li ma nistax niddeskrivih għax konna neqsin ħafna, kienet weġġgħa ta’ qalb li nidħlu fis-sajf li inti tara skola ghost, m’hemm ħadd ġo fiha.” 

Il-Kap tal-Iskola Primarja ta’ Birżebbuġa spjega t-tħejjijiet ma jaqtgħu xejn tul is-sajf.

“Kellna ħafna preparamenti, ridna nimxu mal-protokolli li tawna l-awtoritajiet edukattivi u tas-saħħa, għamilna ħinijiet differenti tal-brejks, il-btieħi differenti, ħinijiet differenti tad-dħul u l-ħruġ, id-dati għax it-tfal ħa jidħlu b’mod staggered jiġifieri kienet esperjenza challenging li jekk Alla jrid fil-jiem li ġejjin nieħdu l-frott tagħha.”

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Iskola Primarja taż-Żurrieq qalilna li jeżistu ċertu sfidi iżda l-għalliema jinsabu ħerqana ferm biex jerġgħu jilqgħu lill-istudenti u jagħtuhom l-aqwa esperjenza edukattiva possibbli.

“L-istudenti verament jixtiequ jiġu l-iskola. L-għalliema jixtiequ jippreparawhom sew għal din is-sena, mhux se tkun faċli però naħseb ftit ftit nidraw is-sistema – kollox jindera – u suppost jimxi kollox smooth bil-preparazzjonijiet li kellna.”

Issa li l-edukaturi daħlu fl-iskejjel u raw it-tibdil li sar biex jikkontrollaw it-tixrid tal-COVID-19, jonqos biss l-istudenti li jirritornaw fuq il-bankijiet tal-iskejjel tal-Gvern u jħejju ruħhom għal skena skolastika ġdida bil-prekawzjonijiet meħtieġa.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend