Hospice Malta għaddejja b’kampanja bl-isem ta’ Sunflower, sabiex jinġabru fondi ħalli s-servizzi li toffri jibqgħu jkunu sostnuti.
Hospice Malta hija għaqda li tagħmel ħafna ġid u tagħti servizz b’xejn lil aktar minn elf u tliet mitt familja fis-sena. Fost servizzi li toffri din l-għaqda mhux governattiva hemm dak li tipprova żżomm il-pazjenti f’darhom minflok imorru l-isptar għall-kura paljattiva, kif spjega ma’ ONE News l-uffiċjal ta’ Hospice Malta, Andrew Zammit.
Huwa spjega: “Hospice Malta tiffoka ħafna fuq il-kura paljattiva. Jiġifieri li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti li jkollna. Pażjenti jkollna varji, maġġoranza minnhom ikollhom sfortunatament cancer, hemm mard serju ieħor li nieħdu ħsiebu. Hospice, ix-xogħol tagħha huwa li tiffaċilita jew inkella tamplifika l-kwalità tal-ħajja ta’ dak il-pazjent.”
L-uffiċjal tal-Hospice Malta qal magħna kif tul il-pandemija, is-servizz mogħti kellu jaddatta.
Is-Sur Zammit sostna: “F’dan iż-żmien ukoll, is-servizz tagħna ma waqafx għax through adaptation minħabba li kellna naddattaw, kellna nimmodifikaw is-servizz u kellna nibqgħu ntuh is-servizz għax ma stajniex nitilquhom hekk il-klijenti lampa stampa.”
Zammit qal magħna kif l-ispejjeż xorta waħda baqgħu hemm, hekk kif din l-għaqda tonfoq minn tal-inqas miljun ewro fi spejjeż operattivi fis-sena. F’din il-kampanja bbażata fuq il-ġenerożità tal-Maltin, se jkunu qed jintbagħtu leaflets f’kull dar f’Malta u f’Għawdex.
Wieħed jista’ jibgħat id-donazzjoni tiegħu permezz ta’ ittra postali jew anke b’mod online fuq www.hospicemalta.org.