L-aħwa Charles Ryan Vella u Isaac Grech minn Raħal Ġdid, li għandhom 20 u 23 sena rispettivament ċaħdu li ħebbew, heddew u darbu ħafif lil erba’ uffiċjali tal-Pulizija. Huma tressqu l-Qorti b’urġenza l-Ħadd.
Vella kien akkużat ukoll li kien qed isuq mingħajr liċenzja tas-sewqan, u Grech kien akkużat li rrifjuta li jagħti d-dettalji tiegħu lill-awtoritajiet.
Fil-Qorti ntqal li Grech kien qed jistenna f’karozza li kienet allegatament ipparkjata ħażina fil-Ħamrun waqt li ħuh mar jiġbed il-flus minn ATM. Hawn jidher li Grech, li ma jsuqx, intalab mill-Pulizija tar-Rapid Intevention Unit biex iressaq il-karozza, u skatta diżgwid bejn l-aħwa u numru ta’ uffiċjali tal-pulizija.
L-avukat tad-difiża Ishmael Psaila talab għall-ħelsien mill-arrest, li ġiet milqugħa fuq diversi kundizzjonijiet.
Vella ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €200 u garanzija personali ta’ €2,800.
Grech inħeles mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €900