Il-Prim Ministru jħabbar li l-għajnuna tal-Gvern fil-ħlas tal-pagi se tibqa’ anki wara Ottubru – One News

Notifiki

Il-Prim Ministru jħabbar li l-għajnuna tal-Gvern fil-ħlas tal-pagi se tibqa’ anki wara Ottubru

L-iskema tal-għajnuna fil-pagi għal żmien il-pandemija se tkun estiża anke għal wara Ottubru. Hekk stqarr il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt intervista fuq ONE fejn spjega li l-baġit li jmiss se juri r-ruħ soċjali ta’ dan il-Gvern.

“Il-Covid Wage Supplement salva mitt elf impjieg b’mod dirett u indirett.  Ħa nagħti aħbar.  Dak il-Covid Wage Supplement ser jibqa’ u mhux ser jibqa’ sal-aħħar ta’ Ottubru imma ser jiġi estiż.”

Il-baġit għas-sena d-dieħla se jgħin lill-pensjonanti, ħaddiema u n-nies li b’xi mod qed jaqgħu lura.  Dan filwaqt li se jara li l-ġid jitqassam b’mod ekwu.  Il-Prim Ministru spjega wkoll kif se jkompli jkun attirat l-investiment barrani f’pajjiżna u hawnhekk appella lil min qed jipprova jħammeġ isem pajjiżna biex jieqaf.

“Jien ser inkun it-tarka ta’ kull negozju onest f’dan il-pajjiż, ta’ kull ħaddiem onest, ta’ kull ħaddiem li ta’ kuljum iqum jaqla’ l-għixien tiegħu, l-għixien tal-familja tiegħu, jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum b’mod onest.  Ser inkun tarka u m’hu ser inħalli l-ħadd iweġġagħhom, m’hu ser inħalli lil ħadd.  Jien qed nifhem illi hemm min qed iħares lejn din l-istrateġija biex jipparalizza l-ekonomija tal-pajjiż u jiddispjaċini ser isib tarka ħafna, tarka b’saħħitha ħafna bija fuq dan il-punt.”

Dr Abela spjega wkoll kif il-baġit li jmiss se jippremja lin-negozji li tul il-pandemija emmnu f’dan il-Gvern.

Semma kif turija ta’ fiduċja ewlenija min-negozji hija kif f’dan iż-żmien tal-pandemija, kull ma jmur il-qgħad qed ikompli jonqos.

“F’dax-xhur kellna tant u tant negozji jgħidu “ma keċċejna lil ħadd”, issa mhux qed naraw li ma keċċew lil ħadd, issa qed naraw ġimgħa wara ġimgħa wara ġimgħa li r-rata ta’ qgħad f’pajjiżna qed tonqos, jiġifieri f’perjodu ta’ pandemija fejn l-unemployment qed jitla’ l-fuq f’kull pajjiż ieħor, f’pajjiżna trend fil-kontra. L-unemployment f’pajjiżna ġimgħa wara ġimgħa wara ġimgħa u din il-ġimgħa kompla jonqos b’rata iktar mill-ġimgħa ta’ qabel.”

L-ekonomija, s-saħħa u l-ambjent ser ikunu qed jingħataw l-istess livell ta’ importanza.

Dwar l-inċentivi fiskali fuq il-bejgħ tal-propjetá stqarr li kienet miżura li ħadmet ħafna b’numru rekord ta’ konvenji anke f’dan iż-żmien ta’ pandemija.

Dr Abela qal li l-Gvern mhux se jissika lin-nies fl-iktar mumenti diffiċli b’żieda fit-taxxi, iżda se jinċentiva kwalitá ta’ ħajja tajba għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

“Nistgħu ngħidu ħa nissikkaw iċ-ċintorin.  Inkunu qed inmorru kontra l-prinċipji tal-ekonomija li emmen fihom dan il-Gvern. Dan hu Gvern li jemmen fil-kwalitá tal-ħajja tan-nies u biex inti tagħti kwalitá ta’ ħajja tan-nies f’dan il-mument partikolari li semmejt inti, trid ikollok budget li jaħrab mill-awsteritá u li jinċentiva lin-nies.” 

Il-Prim Ministru temm jisħaq li se jkun esiġenti fuq il-membri tal-kabinett, biex dan verament ikun

Gvern li jwettaq, u li fl-aħħar ta’ din il-leġislatura b’wiċċu minn quddiem ikun jista’ jmur quddiem l-elettorat b’wiegħdiet imwettqa u b’titjib tanġibbli.

“B’hekk inkunu nistgħu mmorru quddiem in-nies u nħallu f’idejhom biex jiġġudikaw jekk inkunux ġibna bidla pożittiva f’pajjiżna,” stqarr il-Prim Ministru.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend