Għajnuna legali immedjata kif isir rapport ta’ vjolenza domestika – One News

Notifiki

Għajnuna legali immedjata kif isir rapport ta’ vjolenza domestika

Vittmi ta’ vjolenza domestika diġà bdew jiġu mgħejjuna b’mod immedjat minn avukat tal-għajnuna legali hekk kif isir rapport fl-għassa tal-pulizija.

Dan ikkonfermatu l-Ispettur Sylvana Gafà fi ħdan il-Victim Support Unit li stqarret li l-ftehim ikopri għajnuna legali minn meta jsir ir-rapport, meta l-vittma tirfes l-għatba tal-qorti u tul il-proċeduri legali.

Hija qalet: “Iva dan il-ftehim diġà beda fiż-żmien il-COVID, fil-bidu ta’ dan iż-żmien jiġifieri qiegħed jaħdem u qiegħed jaħdem tajjeb ħafna. Għandna numru ta’ vittmi li aċċettaw l-għajnuna u qegħdin jibbenefikaw minn dan is-servizz jiġifieri min-naħa tagħhom qed iħossu li dan is-servizz qiegħed jgħinhom ħafna biex huma jkunu jistgħu jkomplu l-proċeduri l-qorti minn hemmhekk ‘il quddiem.”

Hi spjegat li din is-sistema diġà qed tħalli l-frott hekk kif dawk li jirrikorru għal din l-għajnuna qed juru l-interess li jkomplu bil-każ u mhux jieqfu ħesrem.

L-Ispettur Gafà sostniet: “B’dan il-mod aħna anki rajna li vittma tagħmel iktar kuraġġ biex tibqa’ anki miexja bil-kawża jiġifieri inti jekk għandek is-sapport, hemm tal-pulizija qed jaħdmu direttament u llum il-ġurnata għandek anki avukat tal-legal aid illi huwa preżenti immedjatament wara li tagħmel ir-rapport ħa tgħin ħafna lill-vittma biex tkun iktar issaportjata li huwa importanti ħafna għax inti għalkemm tmur tagħmel rapport minn hemmhekk ‘il quddiem anki sakemm tinstema’ l-kawża, ħa jkun hemm proċess illi din il-vittma ħa tgħaddi minnu.”

Dan filwaqt li l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali, Alfred Grixti spjega kif tul dawn l-aħħar snin ġiet innutata bidla fl-attitudni tal-vittmi ta’ vjolenza domestika.

Huwa qal: “Il-professjonisti li ilhom magħna dawn is-snin kollha kienu jgħidulna, “ħadd ma jrid jitkellem” għall-problema. Illum differenti. Illum meta naraw in-numri telgħin, forsi ħa tinstema’ stramba, aħna nieħdu gost għax aħna l-messaġġ li qed ngħaddu huwa “tkellem għax hawn l-għajnuna.””

Grixti stqarr kif permezz ta’ din l-inizzjattiva, f’pajjiżna għandna sistema komprensiva għal dawn il-vittmi.

Huwa saħaq: “Verament issa għandna servizz ħolistiku illi permezz tiegħu kemm mill-aspett soċjali li nagħmlu aħna, kemm minn aspett ta’ infurzar tal-liġi li jagħmlu l-pulizija, imbagħad anki mill-aspett legali li issa ħa jidħlu l-legal aid, ikun pakkett sħiħ u ħolistiku t’għajnuna lill-vittmi ta’ vjolenza domestika.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend