Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci u d-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni Ramon Deguara, kienu fost il-ħames persuni li ngħataw rikonoxximent tal-ħidma tagħhom tul il-pandemija.
Dawn ingħataw dan ir-rikonoxximent waqt ċerimonja ta’ għoti ta’ premijiet, fil-ġimgħa għas-servizz pubbliku.
ONE News tkellem mal-Professur Gauci li qalet kif li taħdem fis-settur pubbliku huwa ta’ unur għaliha għaliex bil-ħidma tagħha u t-tim tagħha tkun tista ttejjeb saħħet il-poplu Malti u Għawdxi.
Spjegat kif “Li taħdem fis-settur pubbliku huwa unur għalija, għaliex inti għandek opportunità li tkun tista ttejjeb is-saħħa tal-poplu Malti kollu u flimkien ma’ tim sħiħ aħna nkunu naraw x’inhu bżonnjuż biex aħna nkunu nistgħu dejjem nimxu ‘l quddiem”
Hija qalet magħna lil min tiddedika dan ir-rikonoxximent.
Qalet “Dan ir-rikonoxximent huwa importanti ħafna għaliex dan m’huwiex il-ħidma tiegħi imma huwa l-ħidma ta’ ħafna nies, huwa tim kbir li qegħdin jaħdmu flimkien u dan huwa ddedikat għalihom. Imma wkoll għal dawk in-nies kollha li ġew f’xi mod affettwati minħabba din il-pandemija. Kemm dawk il-pazjenti, kemm dawk in-nies li mietu sfortunatament u lil familjari tagħhom, imma wkoll lil poplu Malti kollu għaliex bil-ħidma ta’ kulħadd bil-prevenzjoni, aħna jirnexxielna ngħaddu minn din is-sitwazzjoni.”
Min naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni Ramon Deguara qal magħna li dan huwa ta’ sodisfazzjon.
Qal li “Il-karriera tas-servizz pubbliku tagħtik sodisfazzjon, meta inti tagħti riżultati tajjeb, tal-ħidma li tkun wettaqt. Ovvjament jien miniex waħdi. Għandi forza ta’ ħaddiema warajja illi ovvjament dan ir-rikonoxximent jagħmilna kburin ħafna tal-ħidma li wettaqna.”
Apparti l-Professur Gauci u s-Sur Mangion ingħataw ir-rikonoxximent imsejjaħ Servizz ta’ Kwalità, flimkien ma’ Dr. Chris Barbara, is-Sur Tony Sultana u u Dr. Charles Mallia Azzopardi.
Waqt din iċ-ċerimonja ġew rikonoxxuti dawk li taw servizz impekkabli fis-servizz pubbliku tul din is-sena.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal kif il-prijorità f’dan kollu huma n-nies u qal kif f’dan l-aħħar seba’ snin ittieħdu diversi miżuri sabiex dan is-servizz kien aktar viċin tan-nies.
Dan filwaqt li fl-istess ċerimonja, il-President ta’ Malta George Vella rringrazzja lil dawn in-nies li jaħdmu fis-servizz pubbliku.