Il-Ministru fl-uffiċċju tal Prim Ministru Carmelo Abela flimkien mas-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-żgħażagħ Clifton Grima mmarkaw l-ftuħ ta’ din il-Ġimgħa għall-Iżvilupp Sostenibbli tas-sena; ġimgħa ta ‘avvenimenti organizzati minn dan il-Ministeru bħala parti minn inizjattiva madwar l-Ewropa kollha biex tistimula u turi attivitajiet u proġetti li jippromwovu l-Iżvilupp Sostenibbli.
Din il-ġimgħa tpoġġi fuq quddiem nett tal-agenda l-involviment taż-żgħażagħ u d-dħul tagħhom fid-diskussjoni dwar il-kumplessità tal-isfidi tas-sostenibbiltà u d-dibattitu dwar l-aspirazzjonijiet tagħhom għall-futur.
Dan paripassu mal-viżjoni u l-ħidma tal-Gvern Malti fejn bil-fatti qed jagħti setgħa u opportunità liż-żgħażagħ għal irwol attiv fuq livelli varji.
Dan kollu huwa parti mill-prinċipji tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti u s-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli, l-SDGs, fejn jitolbu teħid ta’ deċiżjonijiet inklussiv u rappreżentattiv fil-livelli kollha.
L-SDGs huwa pjan ta’ prattiċi favur l-ambjent u l-klima, għal standards soċjali u edukazzjoni aħjar u aktar opportunitajiet ta’ impjiegi.
Il-Ministru Carmelo Abela sostna kif iż-żgħażagħ huma l-aġenti tal-bidla u saħaq li flimkien nistgħu nimxu lejn żvilupp li jibni u jintegra l-iżvilupp ekonomiku, l-ekwità soċjali, u l-protezzjoni ambjentali fil-ħajja ta’ kuljum.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal kif dawn l-azzjonijiet huma kruċjali sabiex jibnu soċjetà aktar inklussiva u sostenibbli dan sabiex iż-żgħażagħ jkunu jistgħu jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom.